IMPRENDITURI MALTIN

  • Mej 27, 2013 14:35
  • Miktub minn

    Forsi wasal iż-żmien li l-imprendituri Maltin jingħataw aktar prominenza fil-pajjiż. Qed nirreferi għal nies li joħorġu bi proġetti u proposti tagħhom għall-ħolqien ta’ fabriki, lukandi, uffiċċji u azjendi oħra u jkunu lesti jsibu l-fondi meħtieġa, tagħhom jew ta’ ħaddieħor, biex ivaraw u jmexxu l-inizjattivi tagħhom.

    F’dan, għandna nagħtu l-aqwa għarfien lil dawk l-imprendituri li jitilqu bi proġetti “diffiċli” fejn ikunu involuti teknoloġiji pjottost kumplessi, fejn is-swieq ikunu barranin, u fejn il-ħaddiema u l-impjegati jingħaddu talanqas fl-għexieren.

    Ma rridx infisser li imprendituri oħrajn jiġu mwarrba; bil-maqlub. Imma min jibni impriżi tal-manifattura jew servizzi fil-linji msemmija tassew ikun qed jaqta’ bi snienu.

    Lanqas ma qed ngħid li għandna nnaqqsu mill-ħidma biex nattiraw lejna imprendituri u investituri minn barra. Ħaġa bħal dik tkun suwiċidali.

    Imma hemm xi ħaġa li ma nbidlitx mis-snin tmenin meta kont involut fil-ħidma ta’ tħajjir għall-investiment: imprenditur Malti f’Malta għandu xi ħaġa timbottah li hi ħafna aqwa minn ta’ kull imprenditur ieħor. Jinsab f’pajjiżu.

    SAN UBERTU

    Ftit taż-żmien ilu, ġew jarawni rappreżentatnti tal-għaqda ta’ San Ubertu – midħla lkoll tal-kaċċa u l-insib f’pajjiżna. Kellmuni dwar kif jaraw il-qagħda tad-delizzju tagħhom u kif iħossuhom persegwitati minn għaqdiet kontra l-kaċċa li għandhom riżorsi u modi kif jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika ħafna aqwa minn tagħhom.

    Tawni eżempji, kif jarawhom huma, tal-manipulazzjoni li saret mill-midja fl-aħħar żminijiet. Smajthom b’interess. Ma dehrulix xi fanatiċi. Tkellmu b’mod raġonevoli.

    Stagħġibt bl-isem tal-għaqda; mingħalija l-aqwa kaċċatur fost il-qaddisin kien San Ġiljan. Sirt naf li anki San Ubertu għandu din id-distinzjoni, dubbjuża fi żminijietna. Jien li minn fost il-qaddisin midħla tal-annimali jogħġobni l-aktar San Franġisk, xorta kelli nerġa’ nikkonferma l-fehma li fil-ħajja, dejjem tagħmel sew li tisma’ l-qniepen kollha.

    IL-PJAZZETTI TA’ RUMA

    Ġie f’idejja ktejjeb fis-sensiela tat-Tascabili Economici Newton tal-1000 lire Taljani... qabel żmien l-ewro jiġifieri, bit-titolu “Piazzette di Roma” ta’ Armando Ravaglioli. Fih issib elenku deskrittiv ta’ pjazez żgħar f’Ruma li kif jgħidilna l-kittieb, aħna l-barranin (“forestieri”), ma nindunawx bihom. Minflok, interrqu minn pjazza famuża għal oħra tal-Belt Eterna... Navona għal Esedra għal dik ta’ quddiem il-Lateran għall-pjazza ta’ Spanja...

    Mentri dawn il-pjazzetti li nfirxu quddiem xi palazzo antik jew nibtu fejn tlieta jew erba’ toroq jingħaqdu, wkoll għandhom l-istorja u s-sbuħija tagħhom. Ravaglioli jżewwaq id-deskrizzjoni tal-pjazzetti mhux magħrufa mill-“forestieri” b’disinnji qodma tagħhom.

    Ktieb li jagħtik il-ħajra terġa’ żżur Ruma biex bħala forestiero, tiskopri fiha affarijiet ġodda.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook