IĊ-ĊENTEŻMU

  • Mej 23, 2013 11:44
  • Miktub minn

    Kienet aħbar li ftit ingħatat importanza fostna. Il-Kummissjoni Ewropea fi Brussel telqet biex tara jekk għandhomx jitneħħew il-muniti ta’ ċenteżmu u ta’ żewġ ċenteżmi fi ħdan is-sistema tal-ewro. Għalina l-Maltin, dawn ġew iżgħar mill-iċken muniti li konna mdorrija bihom fi żmien il-lira. Niddubita jekk it-tneħħija tagħhom tagħmilx effett daqstant kbir fuq kif inbigħu u nixtru.

    Quddiem il-Kummissjoni tpoġġew erba’ alternattivi (jew hekk qalu: jista’ jkun li d-deċiżjoni diġà ttieħdet),: li jħallu kollox kif inhu; li jiżguraw li l-ispiża tal-produzzjoni tal-muniti ċ-ċkejkna titnaqqas ħalli l-valur tagħhom jibqa’ aqwa mil-ispiża biex jiġu manifatturati; li l-muniti ż-żgħar jitneħħew bil-mod; li jitneħħew f’daqqa.

    Qed jissemma li kriterju qawwi fid-deċiżjoni li se tittieħed hu li t-tneħħija jew żamma tal-muniti ma ġġibx magħha għoli tal-prezzijiet. Niddubita kemm in-nuqqas taċ-ċenteżmu se jinħass fil-Ġermanja, ngħidu aħna. Imma forsi l-istess ma jistax jintqal għall-Portugall, il-Greċja u Ċipru.

    PENSJONIJIET JEW...?

    Sar u għadu jsir ħafna diskors dwar il-ħtieġa ta’ riforma sħiħa fil-qasam tal-pensjonijiet. Dan minħabba l-fatt li qed ngħixu ħajja itwal u allura ndumu nirċievu l-pensjoni għal aktar snin milli għamlu ta’ qabilna. Issa l-flus għalihom ġejjin mit-taxxi ta’ dawk li għadhom jaħdmu – u b’hekk, dawn qed iġorru piżijiet li dejjem jiżdiedu. Ħaġa li – jintqal – ma tistax tibqa’ għaddejja wisq fit-tul.

    Hemm raġunijiet li għalihom ili nqis dan l-argument bħala wieħed suspettuż. Għax tista’ żżid ix-xogħol u d-dħul fil-pajjiż. B’hekk tkun tista’ tilqa’ aħjar għall-piż tal-pensjonijiet.

    Biss, dan l-aħħar bdejt ninduna bi problema oħra li jmissha tissemma daqs, jekk mhux aktar minn, tal-pensjonijiet: il-kura tal-anzjani. Qed ikun hemm aktar u aktar nisa u irġiel li fl-aħħar tal-aħħar, waqt li għadhom magħna, iridu kura matul il-jum kollu. In-numru tagħhom qed jiżdied sew.

    Il-kura meħtieġa hi diffiċli. Iħallasha min iħallasha, tammonta għal piż finanzjarju qawwi – mhux lanqas għax teħtieġ personnel imħarreġ u dedikat. Dwar dan l-aspett tal-problemi tax-xjuħija, żgur neħtieġu aktar diskussjoni.

    POSTA

    Il-mod kif tiffunzjona l-posta ġieli jħawwadni. Drajt li abbonamenti ta’ ġurnali minn Franza jew il-Belġju jaslu tard b’ġimgħa għal ġimagħtejn. Drajt bi stimi ta’ pustaġġ għall-pakketti ordnati, bħal kotba, li jkunu eżorbitanti għall-aħħar, u anki minn bliet qribna fl-Italja.

    Dan l-aħħar is-sorpriża kienet bil-maqlub tas-soltu. Pakkett minn Franza mħallas bl-irħas rata postali possibbli... u għalhekk twissejt li se jasalli talanqas xahar wara li ġie ordnat... kien diġà għandi f’ħamest ijiem. Min jaf xi jkun ġara!

    www.alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0