KORRUZZJONI

  • Mar 18, 2013 09:09
  • Miktub minn

    Sfida ewlenija quddiem il-gvern il-ġdid se tkun kif se jmexxi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ħafna għadhom ixxokkjati bl-istejjer li ħarġu matul il-kampanja elettorali. Qatt ma stħajlu li l-korruzzjoni setgħet tmiss daqstant nies u postijiet ta’ ħidma. Kif diġà ktibt hawn, wisq nibża’ li rajna biss il-quċċata tal-ajsberg.

    Jekk hu hekk, il-Whistleblower Act, meħtieġa daqs il-ħobż, mhix se tkun biżżejjed. Il-mekkaniżmi ta’ stħarriġ li għandna bħalissa se jkollhom jiġu msaħħa ħafna aktar, u dan lil hinn mill-pożizzjoni pwerili li kien jieħu Dottor Gonzi, billi jsejjaħ għall-pulizija meta jasallu xi rapport.

    ...Fuq nota sardonika: fl-aħħar fhimt x’riedu jfissru dawk li fi snin oħra, tawni parir li l-għajta ta’ “zero tolerance” lejn il-korruzzjoni ttellef il-voti. Tant kienet mifruxa, aktar milli ssusspettajt li...

    F’ĊIPRU

    Iż-żona ewro se tgħin lil Ċipru fil-kriżi finanzjarja tiegħu billi toħroġlu self ta’ 10 biljun ewro. Iż-żona ewro u l-Fond Monetarju Internazzjonali eżiġew li Ċipru jagħmel taxxa ta’ bejn 7 u 10 fil-mija fuq id-depożiti kollha li jinsabu fil-banek tal-pajjiż. Qatt qabel ma tpoġġiet kondizzjoni ħarxa bħal din fil-“bailouts” finanzjarji li saru fiż-żona ewro.

    Inġabu diversi raġunijiet: fil-banek Ċiprijotti iseħħ ħafna ħasil ta’ flus minn miljunarji Russi u mhux sew li ċ-ċittadini Ewropej isostnu lil Ċipru, u dawn il-miljunarji le; mingħajr miżura bħal din, il-Parlament Ġermaniż ma japprovax is-self; il-miżura ma saritx fil-każ ta’ Spanja u l-Irlanda għax f’dak iż-żmien kienet toħloq paniku fis-swieq finanzjarji – mentri llum le.

    Forsi teżisti raġuni oħra. Bħala t-tielet l-iċken ekonomija fiż-żona ewro, il-membri taż-żona ħassew li ma kellhomx għalfejn jagħtu lil Ċipru l-istess trattament bħal pajjiżi akbar.

    VARGAS LLOSA DWAR CHAVEZ

    Interessanti l-analiżi li l-kittieb Peruvjan Vargas Llosa għamel tal-fenomenu Chavez fil-Veneżwela. Bħala liberali, Vargas Llosa ma kienx jaqbel mat-tmexxija ta’ Chavez. Il-kritika tiegħu fil-qasam soċjo-ekonomiku tixbah lil dik tal-ġurnal The Economist. Imma Vargas Llosa jorbot it-tmexxija ta’ Chavez mat-tradizzjoni politika tal-caudillismo fil-politika Latino-Amerikana, u skont hu, tammonta għal populiżmu sterili.

    Mill-banda l-oħra, x’kien hemm bħala alternattiva politika matul is-snin biex il-problemi tal-faqar u l-esplojtazzjoni jiġu ffaċċjati fl-Amerika Latina? Il-gwerilla mix-xellug li ma rnexxietx u ġabet magħha ripressjoni tal-għaġeb? It-teoloġija ta’ liberazzjoni li lanqas kienet proġett politiku sostnut? In-neo liberaliżmu li spiċċa “jgħin” biss lill-klassijiet tan-nofs? Is-soċjal-demokrazija li malajr qatgħet nifisha jew sfat meqruda? Il-ħidma “pastorali” favur il-fqar li mhi xejn “aħjar” minn sforz ammirevoli ta’ karità, limitat fl-effetti tiegħu?

    Minnhom kollha, forsi l-caudillismo l-aktar li ċaqlaq ir-realtajiet ekonomiċi u soċjali.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Mar 19, 2013

    Kellu bzonn Dr Sant jerga jibda jikteb fil-gurnali bhal qabel. Il-kitba tieghu dejjem izomma interesanti, edukativa u informattiva.

    Irrispondi