Min qed jintesa'

  • Jan 28, 2013 11:04
  • Miktub minn

    Fi żmien kampanja elettorali, meta l-partiti politiċi jkunu qed jagħmlu mill-aħjar biex jilħqu lil kulħadd bil-kummenti u l-proposti tagħhom, mistoqsija importanti tista’ tkun: Min qed jintesa? Liema saffi tal-poplu mhumiex qed jiġu ndirizzati? L-għonja ħafna? L-ifqar?

    Fit-teorija, «kulħadd» għandu vot u l-vot ta’ kulħadd l-istess. Forsi l-minsija mela jkunu dawk li m’għandhomx vot – il-priġunieri fil-ħabsijiet, l-immigranti, dawk li għal raġuni ta’ mard, ma jistgħux jivvotaw… Jew inkella forsi l-minsija jkunu dawk li anki jekk għandhom vot, ma jafux jużawh b’mod utli. Jew il-minsija huma dawk il-votanti li tant jemmnu fil-partit tagħhom li xejn mhu se jċaqlaqhom milli jivvotawlu.

    X’aktarx li l-aqwa minsija huma dawk iċ-ċittadini li lil hinn minn żmien il-kampanji elettorali, bejn elezzjoni u oħra jibqgħu minsija fil-għażliet ta’ politika li jsiru… u huma ma jindunawx.

    L-Ingliżi

    Il-kontroversja dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Cameron biex jirrinegozja l-kondizzjonijiet li taħthom ir-Renju Unit jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea kienet mistennija. Ħafna qiesu li l-Ingliżi jridu jgawdu l-benefiċċji tal-għaqda Ewropea mingħajr ma jġorru l-piżijiet.

    Il-qofol tal-argument Ingliż jistrieħ madankollu fuq realtà konkreta: il-membri taż-żona ewro, li huma parti mill-Unjoni Ewropea, qed idaħħlu miżuri ġodda ta’ għaqda politika u ekonomika bejniethom. L-Ingliżi qed iqisu li dan hu inevitabbli jekk iż-żona ewro mhix se tikkollassa – ħaġa li huma ma jixtiqux jarawha sseħħ, anke jekk ma jridux jidħlu fiż-żona ewro. Imma dan l-iżvilupp se jibdel l-operat tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Se jkompli jagħmel hekk aktar ma ż-żona ewro ssaħħaħ ir-rabtiet interni tagħha. B’dan, l-ambjent intern tal-Unjoni Ewropea kollu kemm hu qed jinbidel u se jaffettwa t-tħaddim tas-suq wieħed Ewropew. Allura jrid jew ma jridx, min jinsab barra ż-żona ewro se jkollu jirrevedi l-kondizzjonijiet tas-sħubija tiegħu għax il-kalkoli li fuqhom ibbaża din is-sħubija m’għadhomx jgħoddu.

    Parsifal

    Il-verżjoni ta’ Parsifal, l-aħħar opra ta’ Wagner, li mdorri nisma’ kienet irrekordjata waqt Festival ta’ Bayreuth tas-sittinijiet tas-seklu l-ieħor. Meta drajtha sew, saret fost l-aktar li togħġobni mill-opri “qosra” (jekk tista’ ssejħilha hekk), tiegħu. Fl-aħħar ġimgħat, smajtha f’verżjoni ħafna aktar riċenti, irreġistrata fl-1992, imniżżla mill-you tube. Daniel Barenboim jidderieġi l-iStaatskapelle ta’ Berlin, b’Poul Elming, Falk Struckman u John Tomlinson fost oħrajn f’partijiet ewlenin. Parsifal hu l-kavalier eroj li bit-tiftix tiegħu għall-verità – rifless fil-leġġenda qadima tal-Bieqja l-Qaddisa – jibqa’ lest sal-aħħar biex iwettaq id-destin tiegħu. Il-verżjoni ta’ Barenboim hi aktar kontemplattiva u zokkrija minn dik li kont imdorri biha – għoġbitni.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0