Kif issib ix-xogħol

  • Lul 19, 2012 11:11
  • Miktub minn

    “From Labour Market Programmes to Active Labour Market Policies” hu studju interessanti ta’ Clyde Caruana u Mark Theuma, pubblikat mill-UĦM. Fih l-awturi jiflu x’sar sa issa f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea inkluża Malta, biex nies qgħeda jinstabilhom impjieg per mezz ta’ taħriġ, għajnuniet biex ilaħħqu mal-obbligi familjari u personali, inċentivi lil min iħaddem u miżuri oħra. Jevalwaw kif il-fondi pubbliċi jistgħu jintużaw bl-aħjar mod biex jiżguraw li l-impjiegi maħluqa jkunu permanenti u produttivi. Jagħmlu numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif f’Malta jiddaħħlu aktar “active labour market policies”. Ir-rakkomandazzjonijiet huma siewja. Gvern futur jagħmel tajjeb li jsegwihom.

    Madankollu, f’Malta għandna ekonomija b’rata ta’ parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol u b’rata ta’ investiment baxxi mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra. Għalhekk, niddubita kemm paraguni magħhom jreġu sew. Il-miżuri li jipproponu Caruana u Theuma għandhom jidħlu bħala parti minn politika ħafna aktar fondamentali maħsuba biex fuq medda medja, tgħolli l-investiment u l-produttività fl-ekonomija Maltija kollha kemm hi.

    Sirja

    Mehdija bil-barumbari biżantini ta’ gonzi-pn, ħafna mhumiex isegwu d-diżastru li dejjem jiqliel fis-Sirja – sar issa gwerra ċivili, kif iddikjarat l-organiżazzjoni tas-Salib l-Aħmar. Mill-Ewropa u l-Istati Uniti, t-tort jingħata kollu lir-reġim ta’ Assad, li hu fost l-aktar gvernijiet brutali fid-dinja. Sadattant, wara r-ribelli hemm forzi kbar oħra li qed jinżammu mistura. Il-biża’ taż-żewġ naħat hu ċar: min jirbaħ se jimmassakra lit-telliefa.

    Ir-riħ tal-bidla fid-dinja Għarbija u madwarha sar riefnu li l-ebda interess strateġiku Ewropew jew Amerikan mhu se jikkontrolla.

    Is-Sirja tista’ tinħass ’il bogħod minna. Imma hi viċin. Il-popli Għarab mhumiex biss ġirien tagħna. Huma fost l-aqwa ħbieb li jista’ jkollna. Id-dmija u l-qerda fis-Sirja għandhom iqanqlu fina sogħba kbira.

    Salome

    Glorja oħra tal-you tube li għadni kemm skoprejt huma l-fajls b’wirja teatrali kompleta. Rajt b’dal-mezz għal darbtejn, tlieta l-opra ta’ Richard Strauss meħuda mid-dramm ta’ Oscar Wilde “Salome” kif imtellgħa mid-Deutsche Oper ta’ Berlin, b’Giuseppe Sinopoli jidderieġi l-orkestra, Catherine Malfitano bħala Salome u Horst Hiestermann bħala Erodi. Malfitano li għamlet isem fir-rwol ta’ Salome bl-interpretazzjoni taż-żifna tas-“seba’ velijiet”, terġa’ tagħti wirja eċċezzjonali, anki jekk iż-żmien qed jgħaddi minn fuqha, kif jgħaddi fuq kulħadd. Hiestermann għoġobni ħafna fir-rwol tas-sultan dgħajjef u kattiv tal-Lhud, anqas Simon Estes bħala Ġwanni l-Battista. Hemm faxxinu qawwi u ripulsiv f’din l-opra, speċjalment lejn it-tmiem fejn Salome “tkellem” lir-ras maqtugħa tal-Battista sakemm tispiċċa tbusha. Kurjuża kif il-you tube li skoprejt wera “Salome” b’subtitles Spanjoli.

    www.alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  

Facebook