Korruzzjoni

  • Jan 24, 2013 13:12
  • Miktub minn

    Reġgħet qamet il-kwistjoni tal-korruzzjoni. Jien nemmen li l-kwistjoni qatt ma raqdet imma baqgħet ħajja bil-kbir fostna. Matul is-snin rajt wisq nies li għal raġuni jew oħra, ma ħadux bis-serjetà allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni bl-iskuża li għad jonqos dik li tissejjaħ il-«pistola ddaħħan» – l-ismoking gun. Oħrajn taw il-parir li bl-għajta ta’ tolleranza żero lejn il-korruzzjoni, tal-Labour jitilfu l-voti biss setgħu. U rajt wisq nies jirreżistu l-introduzzjoni fostna ta’ miżuri iebsa kontra l-korruzzjoni, ġieli bl-iskuża li miżuri hekk faċilment setgħu jiġu abbużati.

    L-istrutturi li għandna biex nikkombattu l-korruzzjoni huma dgħajfa għall-aħħar. Il-liġi li toffri ħarsien lil min isaffar is-suffara kontra l-abbużi baqgħet fuq l-ixkaffa – meta hi indispensabbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Deher ċar li gonzi-pn ma kellux interess ġenwin f’din il-liġi. Kien prevedibbli li hekk kif jirnexxilu jgħaddi b’kunsens mill-Parlament l-emendi tal-karta strazza għal-liġi ta’ Fenech Adami dwar il-korruzzjoni, se jitlef kull ħeġġa biex jilleġisla dwar il-whistle blowing.

    Transazzjonijiet finanzjarji

    Waqt li ninsabu mehdija bl-elezzjoni ġenerali, fi Brussell baqgħu għaddejja bil-pjan biex idaħħlu taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. L-aqwa pajjiżi tal-ewro u tal-Unjoni Ewropea (ħlief għar-Renju Unit), se jkunu qed jipparteċipaw fi skema komuni taħt proċedura msejħa ta’ “koperazzjoni msaħħa”. Biha, xi membri tal-UE jistgħu jiftehmu biex iżidu l-għaqda ta’ bejniethom lil hinn minn dak li jorbot flimkien lill-membri kollha.

    Il-partiti f’Malta ħarġu kontra t-taxxa fuq transazzjonijiet finanzjarji għax jemmnu li tfixkel l-iżvilupp tas-settur tas-servizzi finanzjarji li fl-aħħar snin, ikkompensa għall-mod kif setturi ekonomiċi oħra marru lura. L-aħħar deċiżjonijiet meħuda fi Brussell se jagħmluha ħaġa dejjem aktar diffiċli għal Malta biex tibqa’ barra mis-sistema ta’ tassazzjoni komuni fuq servizzi finanzjarji li qed tiġi varata.

    Natura

    Waħda mill-aħjar rubriki fil-midja stampati lokalment hi dik ta’ Paul Portelli fit-“Times” dwar il-flora u l-fawna ta’ Malta. Il-materjal li jittella’ hu dejjem informattiv; ir-ritratti li jidhru, ġeneralment meħuda mill-awtur, huma ta’ spiss tajba ħafna. Portelli għandu l-ħila li jittrasmetti lill-qarrejja tiegħu l-entużjażmu li jħoss dwar kull aspett tal-ħajja «naturali» f’pajjiżna. Mhux biss titgħallem mingħandu dwar il-ħxejjex «slavaġ» ta’ gżirijietna jew l-insetti li jgħixu minn fuqhom, imma titħajjar tieħu interess ġdid fihom. Minn wiżgħa sa brimba sa basla tal-għansar sa ħanfusa san-narċis, ma hemmx aspett tal-flora u fawna li fuqu ġimgħa wara l-oħra ma jintefax dawl ġdid u frisk. Il-gazzetti l-oħra messhom jibdew iġibu rubrika simili.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0