Ir-rapport OLAF

  • Jan 21, 2013 08:53
  • Miktub minn

    Fl-aħħar, jekk tiġi obduta direttiva mogħtija mill-qorti ta’ Malta, ir-rapport tal-OLAF li wassal għar-riżenja ta’ John Dalli minn Kummissarju Ewropew se jkun pubblikat. Assolutament ma tiftiehemx kif ħaġa bħal din ma ġratx qabel. Wieħed jista’ jammetti li għal ftit taż-żmien, ir-rapport kellu jinżamm fil-magħluq ħalli ċerti investigazzjonijiet jitwasslu sal-aħħar.

    Imma r-rapport innifsu kien ir-raġuni għaliex il-President tal-Kummissjoni Ewropea sforza lis-sur Dalli biex jirriżenja mill-Kummissjoni. Kienet azzjoni politika; u f’demokrazija, min jieħu azzjoni politika bħal din irid isegwi prattiċi li jiżguraw trasparenza. Ma ġarax hekk sa issa, ħaġa li mhix aċċettabli. Aktar u aktar għax b’hekk, l-istess Dalli ċċaħħad milli jkun jista’ jsegwi b’kull mezz, il-proċeduri legali biex jiddefendi ruħu.

    Jien dejjem qbilt ma’ miżuri li jiżguraw tolleranza żero lejn kull forma ta’ korruzzjoni jew imġiba li tqarreb lejha. Biss, anki f’dal-qafas, xorta jridu jitħarsu regoli ta’ fair play u kontabilità politika li jgħoddu għal min jinvestiga u għal min jiġi investigat, qabel u wara li tkun intemmet investigazzjoni.

    Mali

    Il-qagħda konfuża u splussiva fil-Mali saret aktar imħawda bl-intervent militari Franċiż. Jidher li dan kien imbagħad kawża diretta tal-attakk fuq l-impjant tal-gass fl-Alġerija li ntemm bil-mewt ta’ għexieren ta’ ostaġġi. Mhuwiex ċar jekk l-intervent Franċiż se jinvolvix ukoll b’xi mod lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

    L-istampa internazzjonali, speċjalment dik Spanjola, ilha issemi kif fil-Mali qed tinbena forza kbira ta’ “terroristi” estremi Islamiċi li qed jarmaw rwieħhom b’materjal militari sofistikat imniżżel hemm wara l-waqa’ tar-reġim ta’ Gaddafi. Ħafna pajjiżi Ewropej u Afrikani jidhru deċiżi li din il-forza, li ħatfet parti sostanzjali mill-Mali, għandha tiġi mxejna. Hu ġustifikat it-tħassib dwar kif jista’ jiżviluppa dal-konflitt. Nittama li l-operazzjoni Franċiża ma titqiesx bhala xi avventura stil Beau Geste. U fuq kollox, li ma nispiċċawx b’xi stat ieħor “fallut” jew aktar, minn fejn ikollhom jaħarbu eluf ta’ rifuġjati mġewħa.

    Bronzino

    Ma kont naf kważi xejn dwar Angelo di Cosimo de Mariano qabel ġie f’idejja ktieb fis-sensiela “Classici dell’Arte Rizzoli” dwar il-Bronzino. Kien kortiġġjan fil-qorti tal-Medici f’Firenze matul it-tieni nofs tas-seklu sittax, kontemporanju ta’ Michelangelo. Kien kittieb, l-aktar ta’ sunetti, u pittur – ġie ttimbrat bħala artist li jaġixxi skont il-gosti u l-politika tal-prinċep u s-segwaċi tiegħu. Dan jinħass f’uħud mis-sunetti. Min-naħa l-oħra l-pittura tal-Bronzino fil-għażla ppreżentata mir-Rizzoli, rajtha bħala f’linja integrali u bħala parti interessanti ħafna mill-arti Taljana ta’ żmienha, kollha dawl, uċuh espressivi u dettalji delikati li minnhom infihom jirrakkontaw storja.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook