Xolt

  • Jan 06, 2013 13:32
  • Miktub minn

    Ix-xoljiment tal-Parlament erba’ ġimgħat wara li dan messu sar, iġib fi tmiem żmien xejn glorjuż għad-demokrazija Maltija meta l-Parlament spiċċa sottomess għall-maniġġi partiġjani tal-gvern tal-ġurnata. Ġie ssettjat preċedent anti-demokratiku li ma kellniex bżonnu. Dan fi żmien meta ministri ta’ gonzi-pn kienu jipproklamaw kemm huma impenjati favur l-“awtonomija” tal-Parlament. Anki din il-kelma hi “misnomer” kif jgħidu bl-Ingliż. Awtonomija timplika li ċerti poteri ta’ istituzzjoni jistgħu jkunu ċeduti lilha minn xi ħaddieħor; mentri l-poteri tal-Parlament huma inaljenabbli għax jinsabu vestiti fil-poplu. Biex il-farsa tkun kompjuta, kellna anke White Paper tal-gvern bi proposti għal aktar “awtonomija” tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

    Fir-realtà l-aħħar leġislatura kienet qisha telenovela dwar gvern iggranfat mal-poter. Il-bidliet soċjali li seħħu (divorzju u regolamentazzjoni tal-IVF), saru kontra r-rieda tiegħu; ħlief żbalji u skandli fit-tmexxija ma rajniex; u lanqas hu minnu li r-rekord ekonomiku ta’ gonzi-pn hu tajjeb daqs kemm jintqal.

    Gimmick perikoluż

    Baqgħet tissemma’ l-possibbiltà li l-Parlament wara li jkun xolt, xorta jissejjaħ biex jiddiskuti mozzjoni ta’ revokazzjoni ta’ ġudikant. Li l-Prim Ministru jsemmi din il-possibbiltà hu gimmick sfaċċat u perikoluż; jekk jasal biex iwettqu, l-isfaċċataġni u t-theddida għat-tmexxija serja tal-istituzzjonijiet tkun kibret bla qies.

    Fi żmien elezzjoni, il-manipulazzjoni tal-kostituzzjoni biex il-gvern jidher sod u qawwi hi kundannabbli għall-aħħar. Żmien dan il-Parlament spiċċa. Jekk hemm xi ħaġa xi ssir dwar ġudikant jew ieħor, għandu jkun il-Parlament ta’ wara dan li jieħu r-responsabbiltà.

    Fl-aħħar żminijiet, kellna biżżejjed manuvri biex il-Parlament jispiċċa l-paljazza ta’ gonzi-pn. Li din it-tattika tibqa’ għaddejja anki meta qed titnieda kampanja elettorali hu tassew żvilupp tal-mistħija.

    Orsa

    F’“Le Vaghe Stelle dell’Orsa”, Luchino Visconti jsegwi l-ġrajja ta’ Sandra li mar-raġel Amerikan tagħha tmur Volterra, fid-dar fejn twieldet u għexet ma’ ħuha, b’missierhom nieqes għax bħala Lhudi kien spiċċa deportat u b’ommha mehdija b’karriera pjanistika. L-imgħoddi ta’ bejn Sandra u ħuha jerġa’ jiżbroffa f’tensjonijiet kbar li jfarrkulha l-bilanċ li kienet sabet f’ħajjitha ma’ żewġha. Il-fotografija tal-film hi splendida – Visconti bħal dejjem, hu gwapp fl-immuntar tax-xbihat. Juża l-belt ta’ Volterra, mibnija mill-Etruski u li issa qed issir rovini, bħala metafora għar-relazzjonijiet imħarbta bejn Sandra (Claudia Cardinale),, ħuha u ommhom.

    Kont rajt dal-film snin twal ilu f’ċinema ċkejken ta’ Pariġi u dejjem baqa’ f’moħħi bħala esperjenza qawwija. Erġajt rajtu għall-ewwel darba din il-ġimgħa u ħaġa stramba: sibt li ma kont niftakar xejn minnu, ħlief xena tal-bidu fejn Sandra u żewġha jsuqu sa Volterra.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 3

  •  
    anonimu
    Jan 07, 2013

    dr sant inti wiehed mill akbar irgel ta malta onest sahha habib

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Jan 08, 2013

    veru verissmu

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Jan 08, 2013

    Dr. Sant dawn ghandhom bzonn jaqraw il-ktieb "The Untold History of the United States" ta' Oliver Stone & Peter Kuznick. Kieku forsi jibdew iharsu b'mod differenti lejn id-demokrazija fil-prattika.

    Irrispondi