Malta u Għawdex

  • Diċ 27, 2012 14:18
  • Miktub minn

    Lejliet il-Milied, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO), ħareġ dettalji dwar kif żviluppat, bejn is-snin 2007 u 2011, l-ekonomija tal-pajjiż fir-reġjuni tagħha : fil-gżira ta’ Malta u f’ta’ Għawdex separatament. Għal min jiddeletta biċ-ċifri, jidher li l-ekonomija Għawdxija baqgħet staġnata f’dawn is-snin. Fl-2007, kienet tlaħħaq 5.28 fil-mija tal-ekonomija tal-pajjiż. Fl-2011, iċ-ċifra niżlet għal 5.26 fil-mija. Tnaqqis insinjifikanti se jkun hemm min jgħid.

    F’Għawdex, tgħix 7.5 fil-mija tal-popolazzjoni tagħna. Li minflok jirranka fis-sehem ta’ ġid li jipproduċi bħala parti mill-ġid nazzjonali, dan is-saff tal-poplu tagħna qiegħed jistaġna għandu jinkwetana lkoll. Dejjem skont l-NSO, waqt li l-valur miżjud fil-produzzjoni ekonomika tela’ bi 3 fil-mija għall-pajjiż kollu bejn l-2007 u l-2011, f’Għawdex tela’ bi 2.5 fil-mija. Id-differenza hi minima, se jkun hemm min jerġa’ jgħid.

    Safrattant, Għawdex jibqa’ jaqa’ lura.

    Masri

    Daqs ħaddieħor ninsab perpless b’li jinsab għaddej fl-Eġittu, pajjiż li jġorr l-aqwa storja u aspirazzjonijiet tal-Mediterran hekk kif jitilgħu mill-qalba tal-Afrika. Jiena fost dawk li jibqgħu jirrikonoxxu l-kisbiet tal-Masri taħt Nasser, minkejja l-iżbalji li wettaq. Bħalu, is-suċċessuri tiegħu pprovaw iżommu bilanċ bejn modernizzazzjoni, fidi fil-futur tal-ġens Għarbi, u sforz biex tinżamm stabbiltà politika. Tal-aħħar kien kaġun biex matul is-snin, jikbru l-awtoritarjaniżmu, il-korruzzjoni u d-diżugwaljanza soċjali.

    Illum, l-Eġittu jeħtieġlu jirrikonoxxi s-saħħa li l-ġemgħat tradizzjonali ghandhom fost il-poplu, u fuq il-ħsieb u l-ħajja tal-pajjiż. L-Eġittu jeħtieġlu pulmun politiku wiesa’ li minnu kulħadd fis-soċjetà jista’ jistqarr fehmietu u jippromowovi l-interessi tiegħu. Jeħtieġlu jkattar l-egħjun materjali li minnhom tirrombla ħidma produttiva qawwija li trewwaħ ix-xogħol.

    L-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet mhu faċli. Aħseb u ara t-tlieta flimkien.

    Fuq dan kollu, jaqa’ d-dell tqil ta’ Iżrael, li sar l-aqwa sors ta’ diżgwid mil-Lvant Nofshani sas-Sudan.

    Oratorju

    Fatt stramb: ma nafx min ikanta, idoqq u jidderieġi fl-Oratorju tal-Milied ta’ Johann Sebastian Bach li smajt għal darba wara l-oħra tul l-aħħar jiem. Hu xogħol twil ta’ aktar minn sagħtejn. Fih kwotazzjonijiet sħaħ minn xogħlijiet bikrija ta’ Bach… l-Oratorju jaħbat wieħed mill-aħħar kompożizzjonijiet tiegħu. Iġorrok miegħu f’mewġa majestuża ta’ melodija li ma tittaffiex. L-ispirtu tal-Milied nisrani jibqa’ jbaqbaq fl-Oratorju sal-aħħar.

    Niżżilt din il-verżjoni mill-« you tube »; għandha timbru virili liema bħalu, kważi marzjali… li ma dejjaqnix. Imma dejjaqni l-fatt li ma sibt l-ebda informazzjoni dwar min qed jesegwixxi. Darb’oħra, nisma’ minflok il-verżjoni ta’ Eliot Gardener li tinsab ukoll fuq « you tube » u hi mitqiesa tal-aqwa klassi.

    www.alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Jan 02, 2013

    Rigward l-Oratorju tal-Milied ta' J.S. Bach nahseb qed tirreferi ghal-verzjoni ta' Concentus musicus Wien taht id-direzzjoni ta' Nikolaus Harnoncourt.

    Irrispondi
  •  

Facebook