Miżerabbli

  • Diċ 10, 2012 09:55
  • Miktub minn

    L-aħħar leġislatura parlamentari kienet l-aktar waħda miżerabbli mill-Indipendenza lil hawn. Kellna immobiliżmu politiku ta’ gvern interessat biss f’li jibqa’ kkakkmat mal-poter, anki jekk sadattant messna daħħalna riformi ġenwini. Kellna manuvri min-naħa tal-lemin li politikament jammontaw għal rikatti u theddid, bla ebda kont tal-interess nazzjonali. Kellna tmexxija ekonomika li tpinġiet bħala effettiva imma fir-realtà, xehdet is-sens ta’ immobiliżmu li rrenja fil-qasam politiku. Kellna nuqqas ta’ ħeġġa fl-oqsma fejn l-aktar messu ntwera dinamiżmu, u minkejja l-ftaħir ma jaqta’ xejn, baqgħu jiżdiedu l-iżbilanċi kontra Malta fir-relazzjonijiet tagħha mal-Unjoni Ewropea. Kellna korruzzjoni, abbużi ta’ poter u traffiku ta’ influwenza.

    Fatti

    Bejn l-2007 u l-2011, Malta ħallset dawn il-kontribuzzjonjiet lill-Unjoni Ewropea fil-qafas tas-sħubija tagħha fl-Unjoni. Fis-sena 2007, €53.1 miljun. Fl-2008, €63.9 miljun. Fl-2009, €62.9 miljun. Fl-2010, €59.8 miljun. Fl-2011, €67 miljun. B’kollox total ta’ €306.7 miljun, fi ħlasijiet lill-Unjoni bejn l-2007 u l-2011, barra minn spejjeż oħra għal ċerti proġetti varati mill-Unjoni. Iċ-ċifri jinsabu fir-rapporti finanzjarji tal-gvern Malti.

    U ma jinkludux is-somom ta’ kważi biljun u nofs ewro f’fondi u impenji li daħlet għalihom Malta għall-ħarsien tal-munita tal-ewro.

    Sadattant, skont tweġiba mogħtija fil-Parlament Ewropew lid-deputat Edward Scicluna, attwalment tħallsu lil Malta fondi mill-Unjoni Ewropea bejn l-2007 u Ottubru 2012, li jammontaw għal €278 miljun. Dawn jinkludu €80 miljun li baqgħu ma ntefqux u jekk ma jintużawx malajr, jintilfu.

    Bejn l-2007 u l-2011 jiġifieri, apparti mill-impenji finanzjarji minħabba l-ewro, Malta spiċċat tħallas ferm aktar lill-Unjoni Ewropea milli daħħlet. Din il-verità ma tissemma mkien u minn ħadd.

    Leone

    Fl-aħħar snin, ħarġu kotba tassew interessanti dwar l-istrutturi soċjali u kulturali li nsibu fil-bliet u rħula tagħna, l-aktar il-każini tal-banda u klabbs sportivi. Minnhom meta jkunu miktuba tajjeb, il-qarrej jislet ruxxmata ta’ ġrajjiet u tagħrif dwar kif matul is-snin żviluppat il-ħajja fil-komunitajiet tagħna.

    F’dan ir-rang jidħol ktieb li wasalli ftit ilu “Ġrajjiet is-Soċjetà Mużikali u Filarmonika Leone, Għawdex,” xogħol formidabbli ta’ riċerka lokali miktub minn Grazio A. Grech, li diġà kien ħareġ xogħlijiet iqsar dwar l-istorja tal-istess banda. Int u taqra u tqalleb fil-paġni ta’ dan il-ktieb, tiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ ġrajjiet – ta’ natura “mikro” forsi – li jkunu ġraw fis-soċjetà insulari tagħna, u li b’mod kumulattiv, jikxfu l-għaġna tal-identità Maltija. L-anedotti, id-dettalji organizzattivi, in-nisġa ta’ avvenimenti jipprovdu materjal, kollu dokumentat bl-akbar galbu, għall-aqwa studju soċjoloġiku jew anki rumanz storiku li jista’ jsir dwar ir-Rabat ta’ Għawdex.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1