Anti-soċjali

  • Diċ 02, 2012 19:08
  • Miktub minn

    L-aħħar baġit ta’ gonzi-pn għas-sena 2013 hu wieħed anti-soċjali. Qed jirranġa biex inaqqas il-piżijiet tat-taxxa l-aktar għal min jinsab finanzjarjament tajjeb imqabbel ma’ ħaddieħor. U qed idur fuq kulħadd, imma l-aktar fuq dawk li jinsabu anqas tajjeb, biex iġorru l-piż ta’ din il-miżura.

    M’hemmx tifsira oħra għall-mod kif minn naħa, se titnaqqas l-ogħla rata ta’ income tax u fl-istess nifs, żdiedet it-taxxa tas-sisa fuq fjuwil, tabakk u sigaretti. Dwar tal-aħħar l-iskuża hi li ż-żieda ta’ sisa fuq it-tabakk tgħin fil-ġlieda kontra l-kanċer; mentri kollox juri li ż-żieda fil-prezz fuq sigaretti u prodotti oħra tat-tabakk ma tantx serviet fl-imgħoddi biex jitrażżan il-konsum. Bl-istess raġunament, jekk irid joħnoq il-vizzji, l-gvern seta’ ntaxxa l-logħob tal-imħatri: minflok, daħħal miżuri ġodda biex jaġevolah.

    Dwar iż-żieda fis-sisa tal-fjuwil, gonzi-pn ma ħareġ bl-ebda ġustifikazzjoni simili għal tat-tabakk. U l-fjuwil jużah kulħadd.

    Anti-ekonomiku

    Fil-pajjiżi kollha Ewropej u lil hinn minnhom, il-gvernijiet qed jagħmlu minn kollox biex jilqgħu kontra żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil. Tant li fost il-kontroversji għaddejja hemm waħda dwar jekk għandhomx irattbu r-regoli dwar ħarsien tal-ambjent, biex ikunu jistgħu jibdew jużaw l-istrutturi ġeoloġiċi magħmula minn blat ramli imsejjaħ shale, li minnu tista’ tiddistilla żjut bi spiża irħas minn dik tal-lum.

    Gonzi-pn fil-baġit tal-2013 telaq fit-triq opposta. Żied is-sisa fuq il-fjuwil – ħaġa li mistennija tkompli tgħolli l-prezzijiet b’mod ġenerali: il-fjuwil jidħol fil-produzzjoni u t-tqassim ta’ tista’ tgħid l-oġġetti u s-servizzi kollha. Żgur se jintlaqtu ħażin dawk is-setturi li sa ftit żmien ilu kienu jitqiesu bħala l-muturi tal-ekonomija tagħna – il-manifattura u t-turiżmu – imma li minkejja l-blaff kollu tal-gvern waqgħu lura sew. Tmexxija ekonomika tajba messha timmira biex tħaffef l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ dawn is-setturi mhux iżżidhomlhom.

    Anti-investiment

    Min jifli sew iċ-ċifri tal-baġit għall-2013 u ta’ dawk li ġew qablu malajr jifhem kemm hu vojt il-ftaħir li nisimgħu dwar is-suċċess tal-gvern biex jikkontrolla d-defiċit. Fir-realtà, it-tnaqqis tad-defiċit… jekk tista’ ssejjaħlu hekk… qed isir billi investimenti ppjanati u mwegħda jibqgħu ma jsirux. Sadattant ilna issa aktar minn għaxar snin b’livell ta’ investiment pubbliku u privat li dejjem jonqos proporzjonalment għad-daqs tal-ekonomija. Għalhekk, l-ekonomija tagħna baqgħet titlef mill-kompetittività tagħha. Jidher ċar li għall-2013 il-ħsieb ta’ gonzi-pn hu li nibqgħu miexja fl-istess triq.

    Il-mexxejja tal-għaqdiet li jirrapreżentaw lin-negozju privat f’pajjiżna messhom kienu fuq ta’ quddiem biex imexxu l-kritika kontra l-aspetti anti-ekonomiċi u anti-investiment tal-baġit għas-sena 2013 li semmejt hawn. Minflok ħarġu jfaħħruh. Kif tinftiehem dil-ħaġa?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 1

  •  
    anonimu
    Diċ 06, 2012

    Dr. Sant. il-fatt li l-mexxejja tas-setturi tal-industrija u l-kummerc fahhru l-budget u ma qalu xejn dwar il-punti li qajjimt int ifisser . jew li ma jifhmux. Jew jifhmu izda l-lejalta taghhom lejn GonziPN tigi qabel dik tas-settur li jirrapprezentaw !

    Irrispondi