L-ebda glorja għall-Parlament

  • Lul 16, 2012 11:15
  • Miktub minn

    Il-waqfa twila tal-Parlament sal-bidu ta’ Ottubru immarkat it-tmiem ta’ nofs sena li kienet fost l-anqas glorjużi għall-Kamra tad-Deputati. Gvern li effettivament tilef il-maġġoranza prekarja li kellu fost id-deputati baqa’ jimmanipola l-aġenda tal-laqgħat biex jiżgiċċa mill-konsegwenzi ta’ dan l-iżvilupp. Għamel minn kollox biex jevita voti parlamentari sostantivi u xorta spiċċa tilef tnejn. Waqt li kien qed jiġri dan, mhux biss il-gvern ta’ gonzi-pn tilef kull dinjità (li qatt ma kienet priorità tiegħu), imma kompla jdgħajjef bil-kbir il-Parlament bħala għodda ta’ diskussjoni u skrutinju nazzjonali. Numru sħiħ ta’ abbozzi ta’ liġijiet tressqu għad-dibattitu u sal-lum tħallew nofs leħja. Il-fatt hu li l-Parlament tmexxa skont l-esiġenzi ta’ gvern li ried jibqa’ mkaħħal mal-poter akkost ta’ kollox. Gvern jista’ jgħaddi forsi mingħajr dinjità; l-istess ħaġa ma tgħoddx għall-Kamra tad-Deputati.

    ***

    Ġużeppi Gatt

    Żmien ilu, xogħli bħala deputat chairman ta’ dak li kienet il-Korporazzjoni Maltija tal-Iżvilupp laqqagħni ma’ Ġużeppi Gatt, kuntrattur tal-bini, u Ġanni Bonnici, importatur ta’ marka gwappa ta’ karozzi. Meta jitlaq għal xi wieħed mill-proġetti li kien il-ħin kollu jħassel, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien idur lejhom bl-akbar fiduċja għal pariri u għajnuna – Ġużeppi dwar kostruzzjoni, Ġanni dwar makkinarju u inġenji. Malajr sibt kemm minn Kastilja kellhom raġun jafdawhom. Kienu bieżla u attenti waqt li bi prudenza jagħtuk parir mhux skont xi trid tisma’ imma skont is-sengħa u l-esperjenza. Dnub li kienu jinkwetaw ruħhom immensament, bħal meta jindunaw li xi proposta mfaqqsa Kastilja b’xejn ma tista’ titwettaq. Inutli tgħidilhom jieħdu ċerti affarijiet bi tbissima... Ġanni Bonnici ilu li ħalliena. Aħbar kerha dil-ġimgħa kienet tal-mewt ta’ Ġużeppi Gatt. Kif jgħidu l-antiki – kien raġel tar-rispett. Nesprimi sogħba u solidarjetà ma’ familtu.

    ***

    Ballun

    Kienet inizjattiva tassew tajba ta’ Keith Attard li fil-ktieb “Ballun Pinġut” ħareġ ġabra ta’ laqtiet bil-Malti tal-lum li jintużaw minn dawk li jipprattikaw jew jinteressaw ruħhom fil-futbol. Għalkemm jien m’għandix daqstant dan l-interess sportiv, naf kemm hu mifrux fostna u kemm l-ilsien tagħna qiegħed fid-diskors ta’ kuljum idaħħal kummenti u deskrizzjonijiet ġodda li jintrabtu mal-logħba tal-“ballun”. Attard jippreżenta l-ġabra alfabetika tiegħu b’galbu kbir u jagħmel tajjeb li juriha bħala waħda proviżorja, fis-sens li diġà jaf kif hemm laqtiet lingwistiċi oħra li qed jissawru jew li qabżulu fir-riċerka li wettaq sa issa. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Għaqda Ġurnalisti Sports jistħoqqilhom tifħir li ngħaqdu biex jippublikaw dan ix-xogħol ta’ Keith Attard.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0