Patt fiskali vs koeżjoni

  • Nov 26, 2012 15:06
  • Miktub minn

    Fl-aħħar xhur, baqgħet għaddejja taqtigħa bejn il-membri tal-Unjoni Ewropea dwar kif se jorganizzaw il-baġits tal-Unjoni fis-snin li ġejjin. Kien hemm dawk li riedu li n-nefqa tinżamm kajmana għal sena wara l-oħra. U dawk li riduha tiżdied biex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati aktar proġetti li bihom jistgħu jikbru l-ekonomiji tal-pajjiżi li jinsabu “minn taħt” – mira valida għax tippromwovi aktar “koeżjoni” bejn l-istati membri. Biss, jekk se tiżdied in-nefqa, xi ħadd se jkollu jħallas għaliha. Huma preċiżament il-pajjiżi li se jkollhom iħallsu għaliha li oġġezzjonaw bil-kbir. Ma nafx kif tista’ tlumhom.

    Jien naqbel mal-miri ta’ “koeżjoni” li ġew ipproklamati minn grupp ta’ pajjiżi membri tal-UE, fosthom Malta. Imma mbagħad nara kontradizzjoni fondamentali bejn dil-pożizzjoni li ħadu, u l-fatt li l-istess pajjiżi qed jidħlu fil-patt fiskali għaż-żona ewro, imħassel mill-Ġermanja. Skont dal-patt, huma se jintrabtu li fil-baġits nazzjonali jżommu bilanċ jew li jispiċċaw kull sena minn fuq. Se jintrabtu wkoll, li kull sena jwarrbu flus biżżejjed biex iħallsu lura parti mid-dejn nazzjonali tagħhom meta fid-daqs tiegħu, ikun qabeż is-60 fil-mija tad-daqs tal-ekonomija tagħhom – ħaġa li qed tiġri fosthom ilkoll.

    Ma nistax nifhem kif firmatarju tal-patt fiskali jista’ mbagħad jippreżenta ruħu “favur” il-“koeżjoni”.

    Trasport Malta

    Kif deher ċar sa mill-bidu nett, l-istruttura kollha ta’ Trasport Malta ma tagħmilx sens. Tant hemm funzjonijiet u ħidmiet imdaħħla taħt il-kappa tagħha, li l-iskop għal xiex twaqqfet qiegħed il-ħin kollu jintilef fi tgerfix, konfużjoni u konflitti ta’ interess.

    Stenn ftit: mhux l-iskop għal xiex twaqqfet: imma l-iskop li għalih intqal li twaqqfet. Fil-fatt l-iskop veru għaliex Trasport Malta twaqqfet kien biex funzjonijiet wiesgħa tal-gvern li għandhom jitħaddmu fil-qafas ta’ amministrazzjoni pubblika serja, jittieħdu taħt il-ġewnaħ “awtonomu” ta’ struttura li tkun tista’ tuża l-fondi publiċi kbar li jmorru għall-infrastrttura tal-pajjiż b’mod nieqes minn kull trasparenza u “accountability”. Taparsi biex tiżdied l-effiċjenza...

    Afrika ta' Fuq

    Tpoġġew ħafna tamiet fuq ir-rebbiegħa Għarbija bħala fonti ta’ bidliet politiċi u soċjali kbar. Dawn għandhom irendu lill-Afrika ta’ Fuq żona li magħha l-Ewropej ikunu jistgħu jiftehmu b’mod konkret dwar miżuri ta’ sħubija profonda.

    Jien wieħed minn dawk li baqgħu xettiċi dwar kemm dan se jseħħ. L-ewwel nett, bir-raġun, il-pajjiżi – jew aħjar il-popli – Għarab għadhom ma jafdawx lill-Ewropej dwar il-konflitt bejn il-Palestina u Iżrael. U t-tieni, qabel ma jkun hemm konverġenza bejn l-istrutturi politiċi u soċjali tal-Ewropa u tad-dinja Għarbija, iż-żamma ta’ djalogu produttiv bejn iż-żewġ naħat se tibqa’ problematika.

    alfredsant.org

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0