Soċjetà b’żewġ saffi

  • Nov 14, 2012 18:18
  • Miktub minn

    Is-soċjetà tagħna reġgħet inqasmet f’żewġ saffi – ta’ dawk li sejrin tajjeb ħafna, u ta’ dawk li qed jistinkaw biex ma jaqgħux lura, magħquda ma’ dawk li addirittura waqgħu lura. Għalhekk jidhru l-kuntrasti – bejn nies li jaqilgħu pagi tajba ħafna u nies li jkollhom jitqannew b’impjiegi prekarji; bejn dawk li jistgħu jaffordjaw konsum ta’ lussu evidenti u dawk dejjem jiżdiedu, li qed jgħixu f’faqar relattiv; bejn min jissodisfa l-aqwa livelli edukattivi, u min maqbud fil-madmad tal-illitteriżmu.

    Il-qasma bejn żewġ saffi li tidher fis-soċjetà tagħna tittenna fl-istruttura tal-ekonomija Maltija: bejn żewġ... tliet setturi l-aktar li mhux ħlief jespandu u joffru opportunitajiet ġodda – u s-setturi l-oħra li jinsabu staġnati jew tilfu kull rankatura.

    Gvern serju jagħti l-akbar priorità lil dan l-iżvilupp – mhux biex joħloq xkiel għal min sejjer tajjeb, imma biex jara kif se joħloq il-kondizzjonijiet li fihom is-saffi soċjali u l-oqsma ekonomiċi ta’ taħt, jerġgħu jagħmlu progress.

    Għall-Greċja

    Bil-miżuri ta’ awsterità imposti fuq il-Greċja, l-ekonomija tagħha baqgħet f’riċessjoni. Minkejja s-self ta’ għexieren ta’ biljuni ta’ ewro li nħareġ mill-Ewropa u l-Fond Monetarju Internazzjonali lill-Greċja din mhix tlaħħaq mal-miri ssettjati. Uħud mill-miżuri li kellu jieħu l-gvern waqgħu lura. Issa qed jitħejja ftehim biex il-Greċja tingħata “ċans ieħor”. Iż-żmien li fih se tħaddem il-miżuri ta’ “riforma” u tħallas lura dak li ssellfet se jitwal. Dawn il-miżuri jfissru nefqa ġdida għall-pajjiżi li qed jikkontribwixxu għas-“salvataġġ” tal-Greċja. Waħda mill-istimi tal-ispiża l-ġdida tlaħħaq 33 biljun ewro. Mhux ċar kif se titqassam fost il-pajjiżi parteċipanti fis-self Grieg. Pereżempju kemm se jiġi s-sehem Malti?

    Bejn majjal u dinosawru

    Wara li għajruh dinosawru, il-ħabib tiegħi Adrian Vassallo fil-Parlament għajjar lil-“liberali” ħnieżer. Fettilli nqabbel x’naf dwar iż-żewġ bhejjem.

    Agressiv, id-dinosawr iddomina l-ħajja fid-dinja għal miljuni ta’ snin. Il-ħanżir żviluppa matul l-aħħar mijiet ta’ eluf ta’ snin f’bhima li tħobb tixxaħxaħ.

    Id-dinosawr kellu moħħ ċkejken ħafna mqabbel mal-volum ta’ ġismu. Il-ħanżir hu wieħed mill-annimali bl-ogħla proporzjon ta’ moħħ imqabbel mal-bqija ta’ ġismu; hu mitqies bħala annimal ta’ intelliġenza kbira.

    Id-dinosawr kien wikkiel kbir imma ma jidhirx li laħmu kien daqstant bnin. Il-ħanżir ukoll hu wikkiel kbir u laħmu dejjem offra ikla gwappa.

    Sa fejn hu magħruf, id-dinosawr qatt ma kellu kuntatt mal-bniedem. Mhux hekk il-ħanżir, li bl-intelliġenza kollha tiegħu spiċċa jintuża mill-bniedem għall-bżonnijiet tiegħu.

    Kollox ma’ kollox, bejn dinosawru u ħanżir, ma nafx liema jaħbat l-akbar insult.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 2

  •  
    anonimu
    Nov 15, 2012

    Dan it tabib ma jghidx wahda tajba.MIN FEJN KONT SIBTU FRED

    Irrispondi
  •  
    anonimu
    Nov 19, 2012

    Rigward is-socjeta taz-zewg saffi , taf fejn tigi fl-opinjoni tieghi riflessa ? Fil-kapricc li tista taffordja biex tiddeverti permezz tas-safar Dawk li sejrin tajjeb kapaci imorrulek aktar min darba fis-sena u jmorrulek postijiet bha

    Irrispondi
  •  

Facebook