Riżenja

  • Diċ 05, 2019 16:05
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ir-riżenja mħabbra ta’ Joseph Muscat minn Mexxej Laburista u Prim Ministru xxukkjat lil ħafna Laburisti ġenwini. Huma kienu jemmnu li bir-rebħa bla preċedent li kiseb fl-elezzjoni tal-2017, Muscat kien jixraqlu jwassal lill-Partit Laburista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss u lil hinn minnha.

    Id-deċiżjoni stess li ħa biex ma jagħmilx aktar minn żewġ mandati fil-gvern u l-iżviluppi fl-investigazzjonjiet dwar il-qtil tas-sinjura Caruana Galizia wasslu għat-tluq tiegħu.

    Il-verità hi li ta ħafna lill-partit u lill-pajjiż. Għamel żbalji, kif ammetta hu stess. L-aqwa wieħed, m’hemmx dubju, kien li għalaq għajnejh... jew hekk deher... għal x’ħareġ mill-iskandlu tal-karti ta’ Panama.

    Biss minkejja dan, nemmen li l-bilanċ ta’ ħidmietu jibqa’ pożittiv ħafna. Kemm fir-rankatura ekonomika li ta lill-pajjiż, u kemm bir-riformi soċjali li mexxa ’l quddiem. Minn dawn il-kisbiet, il-Maltin tal-lum u ta’ għada se jibqgħu jibbenefikaw.

    *** 

    FIL-FRATTEMP

    Matul il-ġimgħat li ġejjin, ma neħodhiex bi kbira li se jkun hawn min jipprova jħarbat billi jaqla’ inċidenti maħsuba ħalli jiddestabbilizzaw il-gvern.

    Fi kwalunkwe kas, ir-risposta għal dawn l-isforzi, jekk iseħħu, għandha tkun waħda ta’ kalma. Ħadd m’għandu jħalli ruħu jew ruħha j/tingħeleb mill-provokazzjoni.

    Għal snin twal, dak kien l-agħar żball li għamlu s-segwaċi tal-PL. Ta’ kontrihom kellhom sengħa biex jippreżentaw ruħhom bħala vittmi. Minn taħt... ġieli anke fil-beraħ... kienu jaraw kif joħolqu konfrontazzjoni. Kien jirnexxilhom b’hekk waqt li jħarrxu l-bigħa, jsostnu d-dehra tagħhom bħala vittmi. Kienu jikkonvinċu lil ħafna nies u jkomplu jżidu fil-mobilizzazzjoni tagħhom.

    Tkun ħaġa stupida jekk wieħed iħalli dit-tattika terġa’ tintuża b’suċċess fil-ġimgħat li ġejjin.

    ***

    DAWK TA’ KONTRA

    Meta kwistjoni kontroversjali tieħu nifs qawwi mal-pajjiż kollu, wieħed ikun irid jara x’pożizzjoni se jieħu. Minn banda jkun hemm il-ġibda naturali biex jemmen u jappoġġja lill-grupp politiku li jkun jappartjeni għalih. Mill-oħra, ikun hemm ix-xewqa li l-fatti li dwarhom tippernja l-kontroversja jinftehmu u jitqiesu b’mod serju.

    Problema tqum dwar fatti mqajma minn persuni li xejn mhuma jew ma kienu oġġettivi fir-rigward tal-kwistjoni, mhux l-anqas għax huma magħrufa bħala militanti ta’ xi partit oppost – wieħed li għandu interess vestit biex titqanqal il-ħama kontra l-avversarji tiegħu.

    Allura, it-tentazzjoni ssir biex dak li jkun iwarrab il-“fatti” allegati minn għejun ta’ dat-tip. Messu jqishom bħala invenzjoni partiġġjana.

    Żball.

    Kull allegazzjoni minn kull sors – ġenwin jew le – għandha tiġi investigata. Veru li dan jista’ jwassal biex ċerti nies jaħsbu li la qed tiġi mistħarrġa, allegazzjoni żgur għandha xi għerq ta’ verità. Imma dan hu riskju li aħjar jittieħed.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0