L-aħħar ġimgħa

  • Diċ 02, 2019 08:17
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-aħħar ġimgħa kienet waħda ta’ tensjoni kbira għall-poplu Malti. Ma setax ikun mod ieħor għax b’ritmu bla nifs, tħabbru żviluppi fl-investigazzjoni dwar il-qtil atroċi tas-sinjura Caruana Galizia li heżżu t-tmexxija tal-istat.

    Għad mhux il-ħin biex wieħed jikkummenta bla riżervi dwar dak li ġara... u li għadu qed jiġri.

    L-investigazzjoni nnifisha u l-imġiba ta’ kull min hu/kien involut min-naħa politika se jibqgħu suġġetti ta’ kontroversja kbira fil-ġimgħat, jekk mhux ix-xhur, li ġejjin.

    Xejn mhu aktar importanti madankollu – apparti milli jittellgħu quddiem il-qrati ħalli jsir ħaqq xieraq, dawk kollha li kienu responabbli mill-qtil – mill-priorità li tiġi mistqarra u mħaddma bl-akbar qawwa s-saltna tad-dritt f’Malta. Dil-ħaġa trid issir b’mod li kull min ħabat f’Malta jew barra, jiddubita minnha jew jiċħad li qed titwettaq, ikollu jiċħad id-dubji tiegħu.

    Mhix se tkun ħaġa faċli. Kellna anke matul l-aħħar ġimgħat inċidenti rokamboleski li jqanqlu s-suspetti dwar hekk, mhux joħonquhom.

    *** 

    FATTI

    Quddiem il-fatti, jekk ikunu ċċarati u garantiti sew, m’għandu jitħalla l-ebda spazju għal manuvrar partiġġjan jew għal maniġġi maħsuba biex jevitaw li xi ħadd, hu min hu, hi min hi, j/tinħareġ ta’ mazzita.

    L-aqwa kunsiderazzjoni għandha tkun biex il-fatti jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom. B’hekk imbagħad, jittieħdu l-passi kollha meħtieġa skont il-konklużjonijiet li b’mod raġonevoli l-fatti se jwassluna għalihom.

    U jekk il-fatti jidhru gravi, anke aktar milli qed jidhru fil-mument li qed nikteb dan, dil-ħaġa wkoll trid tiġi aċċettata bħala fatt.

    Ma tkunx qed ittaffi l-ħsara... iva, intqal sew, “irreparabbli” li saret... billi nibqgħu nagħmlu tabirrħuna li mhux hekk.

    *** 

    TRASPARENZA

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nikkonvinċi ruħi li l-aqwa mezz kif pajjiż jista’ jżomm l-imġiba publika (personali u korporattiva) għaddejja fuq binarji siewja hu billi jsostni trasparenza sħiħa. L-atti li jwettqu l-gvern u l-aġenti tiegħu jridu jitpoġġew fid-dawl hekk kif jingħataw seħħ.

    Veru li dan jista’ jfisser li uħud mill-atti se jsibu diffikultajiet akbar biex jitwettqu billi huma u jitħaddmu, raġonevolment ikunu jeħtieġu ftit taż-żmien sakemm jakkwistaw għerq tajjeb.

    Imma dan hu prezz li aħjar jitħallas, milli gvern u pajjiż jidħlu għar-riskju li minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza, l-affarijiet jispiċċaw burdell. Għax imbagħad, xorta l-ispejjeż jistgħu jispiċċaw inkalkolabbli.

    Tibqa’ l-problema ta’ kif jistgħu jitfasslu regoli ta’ trasparenza li jkopru b’mod serju l-aqwa ċirkostanzi fejn din tkun meħtieġa. Għax fl-istess ħin lanqas tista’ twarrab l-inkwiet ta’ dawk li b’mod ġenwin, jinkwetaw dwar ċerti interessi nazzjonali, inkluż kwistjonijiet ta’ sigurtà, li mhux dejjem jiffjorixxu fit-trasparenza.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0