Reżħa

  • Nov 18, 2019 08:05
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-mod kif ir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali birdu fl-aħħar tliet snin qed iħalli effetti dubjużi fuq l-aqwa ekonomiji tad-dinja. Għalkemm ma spiċċawx f’riċessjoni, fosthom żdiedu s-sentimenti ta’ inċertezza.

    Meta jiġri hekk, dawk li f’ċirkostanzi “normali” jitħajru jinvestu, jibqgħu lura. Hekk għamlu did-darba wkoll. L-aħħar għaxar snin kienu mmarkati minn livell baxx għal baxx ħafna ta’ investimenti. Dil-ħaġa sostniet ruħha aktar u aktar bid-diżgwid tal-aħħar sentejn tlieta.

    Fuq quddiem nett, il-ħtija għal dan kollu kienet l-pożizzjoni tal-amministrazzjoni Trump fl-Istati Uniti. Riedet li l-Amerika tingħata trattament aħjar fil-pajjiżi fejn tbigħ il-prodotti u s-servizzi tagħha. Jekk ma tingħatax li talbet, kienet se tbarri lill-pajjiżi “sħab” tagħha mis-swieq tal-Istati Uniti.

    Sadattant, għalkemm qajjem reżħa fl-ekonomiji ta’ pajjiżi alleati, b’li għamel Trump ma dejjaqx lill-ekonomija ta’ pajjiżu. Din baqgħet tikber fl-aħħar snin bir-ritmu ta’ qabel.

    ***

    IMGĦAXIJIET BAXXI

    Żminijietna fl-aħħar snin saru perijodu li matulu l-imgħaxijiet tbaxxew bla qies, saru anke negattivi. Dil-ħaġa ngħoġbot minn xi wħud, dejqet lil oħrajn.

    Bilfors li ħassewhom aħjar dawk li kienu ssellfu jew xtaqu jissellfu. La l-imgħaxijiet naqsu, anzi sparixxew, l-ispiża tad-djun naqset. Jekk is-self sar għall-konsum, ix-xiri ta spalla lill-ekonomija. Fost ix-xerrejja, wieħed jippreżumi, kien hemm ċittadini li xtaqu jkollhom id-dar tagħhom u setgħu jissellfu bl-irħis biex jagħmlu hekk. L-industriji tal-bini u tat-tagħmir tad-djar fost oħrajn, marru tajjeb (jew suppost) minn hekk.

    Bil-maqlub il-banek, li huma mdorrija jagħmlu parti sew tal-profitt tagħhom mill-imgħaxijiet li jiċċarġjaw, sabu li hawn kellhom tnaqqis kbir. U l-istess il-pensjonanti – ħafna kienu mdorrija jwieżnu l-pensjoni tagħhom bid-dħul mill-imgħax fuq dak li faddlu tul ħajjithom. Mhux aktar.

    ***

    KONFLITTI TA’  INTERESS

    Meta l-persuna nominata mill-gvern Franċiż għall-Kummissjoni Ewropea Thierry Breton, ġie mistħarreġ mill-Parlament Ewropew qabel ittieħed vot fuq in-nomina tiegħu, seħħ żvilupp interessanti. Breton kien jidderieġi għal snin, azjendi importanti b’rabtiet fit-tul mal-Kummissjoni Ewropea li anke għadditilhom kuntratti u sussidji mhux żgħar. Kif jista’ issa jkun Kummissarju responsabbli mill-istess oqsma fejn joperaw il-kumpaniji “tiegħu”? Mhux se jqumu konflitti ta’ interessi enormi?

    Breton biegħ l-ishma kollha tiegħu fil-kumpaniji. Iggarantixxa li dal-bejgħ ma sarx lil membri tal-familija tiegħu jew persuni tal-fiduċja tiegħu. Wiegħed li kull fejn seta’ jiġri li l-eks-kumpaniji “tiegħu” jkollhom xi ħidma mal-Kummissjoni, il-biċċa tiġi fdata lil Kummissarju ieħor.

    Barra minn hekk, wiegħed li jekk qatt jiltaqa’ ma’ xi rappreżentanti tal-kumpaniji, kien jiżgura li jkollu persuna oħra preżenti.Thierry kien mistenni li jkollu smigħ diffiċli quddiem il-Parlament Ewropew. Il-ħatra tiegħu ġiet approvata bla wisq diffikoltà.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0