Inkomplu ħidmietna kontra d-dijabete

  • Nov 13, 2019 07:43
  • Miktub minn Chris Fearne

    Għada, il-Ħamis 14 ta’ Novembru, huwa l-Jum Internazzjonali tad-Dijabete. Huwa fatt magħruf li l-mard tad-dijabete f’pajjiżna huwa fost l-aktar komuni. Huwa stmat li persuna minn kull 10, madwar 40,000 ruħ, huma milqutin minn din il-marda, ovvjament f’livelli differenti. 

    F’Diċembru tas-sena 2015 daħal fis-seħħ il-Pjan Nazzjonali għad-Dijabete, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. B’konsistenza ma’ dan il-pjan il-bieraħ, it-Tlieta 12 ta’ Novembru, ħabbart li kienet qed tiddaħħal fuq il-Formularju tal-Gvern il-mediċina, insulina, meħtieġa minn pazjenti li jbatu mill-marda tad-dijabete ta’ Tip 2. B’riżultat ta’ din il-miżura madwar 2,000 pazjent li jbatu minn din it-tip ta’ marda se jkunu qegħdin jiffrankaw madwar €400 kull wieħed kull sena peress li s’issa kienu jħallsu huma għal din il-mediċina. Dan is-servizz se jibda minn għada – il-Jum Internazzjonali tad-Dijabete.

    Din il-miżura hija l-aktar waħda riċenti minn dak li qegħdin nagħmlu biex nikkontrollaw u nipprevenu kemm nistgħu kontra din il-marda. Fost il-miri ewlenin ta’ ħidmietna kontra d-dijabete hemm li kemm jista’ jkun nifirxu fil-komunità servizzi konnessi ma’ din il-marda u ma nħallux kollox jiddependi fuq l-Isptar Mater Dei. Nemmnu bis-sħiħ, u konvinti, li aktar ma inressqu l-kura eqreb lejn iċ-ċittadin dan min-naħa tiegħu jirrikorri aktar għaliha b’aktar kumdità u fl-istess ħin inkunu qegħdin innaqqsu l-pressjoni ta’ xogħol minn fuq Mater Dei.

    Huwa għalhekk li f’kull Ċentru tas-Saħħa għandna Klinika tad-Dijabete li minnha noffru s-servizzi kollha possibbli. Id-Dipartiment tal-Kura Primarja jipprovdi s-servizz speċjalizzat tad-dijabete fiċ-Ċentri tas-Saħħa permezz ta’ tobba u infermieri u issa anke servizz ta’ konsulent speċifikament għas-servizzi fil-komunità u li minn Jannar li ġej se jiżdied b’konsulent ieħor. Minn dawn is-servizzi jibbenefikaw  madwar 17,000 pazjent.

    Ma nistgħax ma nfakkarx fil-programm ta’ tqassim ta’ stikek tad-dijabete u meters li kona bdejna fis-sena 2016. Biex nagħti eżempju ta’ xi jfisser servizz bħal dan biżżejjed ngħid li f’din l-aħħar sena, minn Novembru tas-sena 2018 sal-lum, tqassmu aktar minn 11-il miljun  stikka tad-dijabete u kważi 11,000 meter.

    Miżura oħra li llum qed tagħti riżultati sodisfaċenti ħafna hija d-Diabetic Foot Ward fl-Isptar Mater Dei inawgurata f’Diċembru tas-sena 2017 bi spiża ta’ madwar €400,000 u li minn dakinhar sal-lum ddaħħlu fiha madwar 1,300 pazjent. B’sodisfazzjon ngħid li b’riżultat tal-kura mogħtija naqsu bi 30% l-amputazzjonijiet maġġuri kkawżati mill-marda tad-dijabete.

    It-teknoloġija moderna qed tkun u se tkompli tkun ta’ benefiċċju. Se nkunu qegħdin  nintroduċu dak li jissejjaħ continuous glucose monitoring, patches li jitwaħħlu fuq il-ġilda li kontinwament jaqraw il-livell taz-zokkor għal tfal dijabetiċi. Aktar minn hekk, il-qari tal-livelli taz-zokkor minflok jibqa’ f’idejn il-pazjent se jkun imqabbad ma’ sistema imsejħa remote patient monitoring li permezz tagħha nkunu qegħdin nirċievu din l-informazzjoni u b’hekk tittieħed azzjoni jekk ikun hemm bżonn.

    Sadattant jibqa’ dejjem il-punt li l-prevenzjoni hija aħjar mill-kura. Fuq din il-linja d-Dipartiment tal-Kura Primarja fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa se jkun qed jintroduċi sessjonijiet edukattivi miċ-Ċentri tas-Saħħa bilgħan li jkun hemm aktar għarfien dwar il-marda tad-dijabete u kif wieħed jista’ jilqa’ għaliha. Dan apparti dak li diġà qed isir flimkien ma’ ħidma konġunta fuq l-istess binarju li għaddejjin biha mal-Kunsilli Lokali.

    Aktar ma nkunu konxji ta’ x’tista’ tfisser il-marda tad-dijabete aktar nistgħu inkunu preventivi, minkejja li dejjem se nkunu qegħdin nipprovdu l-aħjar kura possibbli.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0