PROSPETTI TAL-EKONOMIJA

  • Nov 11, 2019 07:57
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fil-verità ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħarifa 2019 dwar il-prospetti ekonomiċi għal Malta, ftit kellu affarijiet ġodda xi jgħid. Kif konna nafu, l-ekonomija baqgħet tavvanza b’ritmu sodisfaċenti ħafna. Anke il-mod kif se tilħaq rankatura anqas qawwija waqt li tibqa’ sostenibbli fis-snin li ġejjin, ma jidhirx li se jkun problematiku.

    Is-sitwazzjoni se tibqa’ għalhekk inkoraġġanti. Ikun korrett il-gvern meta jgħid li d-direzzjoni ekonomika li baqa’ jirrekjedi, hi fattur ewlieni fil-progress miksub.

    Li hemm tajjeb ukoll, kif issemmi l-Kummissjoni, hu li baqa’ qawwi l-pass tal-investiment fil-pajjiż. Meta jonqos l-investiment, ma jkunux qed jinbnew pedamenti li minnhom jista’ jibqa’ jitlaq il-progress tal-futur.  Fix-xenarju li qed insegwu, ma jidhirx li dil-ħaġa se tkun qegħda tiġri.

    F’dan kollu nara punt wieħed ta’ inkwiet. Hu veru jew le, li l-ekonomija tagħna spiċċat marbuta forsi żżejjed mas-servizzi finanzjarji u oħrajn relatati? Għandna wisq mill-magni ta’ ħidma tagħna maqfula f’“basket” wieħed? 

    IL-MALTIN FERĦANIN...

    Statistika pubblikata l-ġimgħa li għaddiet dwar kemm il-popli Ewropej jinsabu sodisfatti b’ħajjithom, uriet li l-Maltin huma fost l-aktar sodisfatti bid-dħul finanzjarju tagħhom; u l-aktar sodisfatti mbagħad bir-relazzjonijiet personali li għandhom.

    Ma ssibhiex stramba dil-biċċa? saqsejt lil ħabib tiegħi li hu espert fil-medja soċjali. Għax minkejja das-sodisfazzjoni kollu, fuq l-istess midja mhux ħlief taqra lil min jikkritika, jakkuża, imaqdar, iżeblah, jgħajjar lil ħaddieħor...

    M’hemm l-ebda kuntradizzjoni, wieġeb. F’kull pajjiż qed jiġri l-istess; in-nies ma tara xejn ħażin filli tuża vjolenza verbali fuq ħaddieħor u kulħadd dara b’dan u bħal isibu aċċettabbli.

    Imma aħna mhux suppost inkunu differenti, la ninsabu daqshekk sodisfatti b’ħajjitna?

    Ma rax li kellu għalfejn jirrispondi.

    ARTISTI MISĦUTA

    Il-premju Nobel tal-letteratura mogħti lil Peter Handke qajjem kontroversja għax għalkemm rikonoxxut bħala kittieb mill-aqwa, Handke baqa’ jagħti appoġġ lil mexxejja Balkani li nstabu ħatja ta’ delitti kbar ta’ gwerra.

    Il-fehmiet u pożizzjonijiet li jieħdu l-kittieba – l-artisti kollha fl-aħħar mill-aħħar – għandhom jaffettwaw kif ingħożżu l-produzzjoni tagħhom? Din il-produzzjoni m’għandhiex titqies għaliha waħidha, mingħajr ma tiġi mwarrba minħabba l-fatti mhux aċċettabbli fl-imġiba ta’ min ħoloqha?

    Personalment m’għandix tweġiba ċara għall-mistoqsija.

    Forsi wieħed jista’ jasal għal fehma ċara wara li jkun għarbel il-ħajja u l-opri ta’ artisti li spiċċaw “misħuta” ... il-poeta Ezra Pound... ir-rumanziera Knut Hamsun, Ernst Junger, Celine u Robert Brasillach (li ġie ffuċċillat talli qeda lin-Nazi mill-koxxa meta ħakmu lil pajjiżu)... il-kompożituri Respighi u Carl Orff... l-iskultur Arno Breker... 

    Fosthom, hemm min baqa’ jingħata attenzjoni. Oħrajn twarrbu għal kollox. Sa issa.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0