FIĊ-ĊILI

  • Nov 07, 2019 08:05
  • Miktub minn Alfred Sant

    FIĊ-ĊILI

    Li qed jiġri fiċ-Ċili jixraqlu l-akbar attenzjoni.

    F’żogħżiti, iċ-Ċili kien mitqies bħala l-aktar pajjiż avvanzat u demokratiku tal-Amerika Latina, ħieles mill-għafsa tad-dittaturi militari. Kemm iċ-ċentru lemin, kemm ix-xellug qiesu madankollu li kien wasal iż-żmien għal riformi soċjali. Ipprovaw il-krisjtan demokratiċi taħt il-President Frei u ma waslux.

    Ipprova Allende f’isem il-bidla xellugija. Twaqqaf b’kolp militari mill-aktar brutali. Pinochet li mexxieh daħħal tmexxija neo-liberali. Baqgħet tiġi sostnuta anke wara li r-reġim tiegħu tneħħa u reġgħet iddaħħlet id-demokrazija. 

    Fil-wiċċ kien hemm il-prosperità. Imma kienet... u għadha... imsejsa fuq il-pedament li ż-żgħar iridu jġorru t-tbatijiet. 

    Fl-aħħar ġimgħat, żbroffa l-kaos.

    AĠENZIJI INDIPENDENTI

    Qed isir għajjien ħafna l-argument li jitressaq biex jiżgurana li aġenziji regolatorji jew eżekuttivi mwaqqfa mill-gvern huma awtonomi minnu u jitmexxew b’mod indipendenti. 

    Teżisti distanza kbira bejn l-għanijiet mxandra u r-realtà... mhux illum biss imma kemm ilha tiġi mistqarra din id-dutrina... mhux f’Malta biss, imma f’kull pajjiż li naf bih fejn tintqal.

    Jekk ma jkunx il-gvern innifsu li jimmanipula l-aġenziji, issib li se jkunu fazzjonijiet qawwija fih jew interessi vestiti qrib tiegħu li permezz ta’ rabtiet soċjali u interessi komuni ekonomiċi jakkapparraw id-dritta fuq id-deċiżjonijiet meħuda. Sadattant il-gvern jibqa’ jongħos jew addirittura jqis li d-deċiżjonijiet jirriflettu l-interess nazzjonali. 

    Fejn f’Malta forsi konna ftit oriġinali kien kif bdejna ndaħħlu regoli li min imexxi l-aġenzija “indipendenti” jista’ jinterpretahom b’modi differenti, skont il-każ li jkun. Din li b’xi reviżjoni tar-regoli, se ntejbu l-qagħda, mhi xejn ħlief ħrafa. 

    Il-kwalità u r-rieda tal-persuni magħżula biex imexxu l-aġenziji, teknikament tajba kemm huma tajba, ftit se jagħmlu differenza meta deċiżjoni tiġi biex ixxaqleb naħa u mhux oħra. 

    INTERVALL 

    Mistenni jdum xahar l-aktar – l-intervall sakemm l-Unjoni Ewropea jkollha Kummissjoni Ewropea ġdida mmexxija minn Ursula von der Leyen. Meta l-Parlament Ewropew ċaħad in-nomini magħmula minn Franza, l-Ungerija u r-Rumanija poġġa żrara kbira fil-makkinarju li bih tinħatar Kummissjoni.

    Biex tagħqad, inzerta li fir-Rumanija seħħet bidla fil-gvern u allura kkomplikat ruħha l-proċedura li biha dal-pajjiż seta’ jinnomina Kummissarju ieħor minflok dik li poġġa ’l-quddiem fil-bidu u sfat rifjutata.

    Dewmien fil-ħatra ta’ Kummissjoni ġdida ġara qabel. Lili, ma tantx jinkwetani  x-xenarju ta’ Kummissjoni ftit li xejn attiva. Meta jiġri bil-maqlub, direttivi u regolamenti qawwija jinsaqu lejn deċiżjonjiet meħuda b’mod ċentrali li jnaqqsu mill-marġini li fihom il-pajjiżi ż-żgħar jistgħu jimmanuvraw. 

    Fl-isforzi li kull Kummissjoni Ewropea għamlet sa issa biex twettaq bażi mħaddma minn Brussell għad-deċiżjonijiet Ewropej, l-akbar daqqa qalgħetu s-sovranità tal-pajjiżi ċkejkna.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook