Mixjietna mal-“bieraħ” u ma’ “għada”

  • Nov 06, 2019 08:06
  • Miktub minn Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

    Bħalissa l-Ministeru għas-Saħħa għaddejjin bi programm ta’ rinovar estensiv tad-diversi bereġ tas-saħħa li għandna mferrxin mal-pajjiż kollu. Mhux programm ta’ sempliċiment tibjida jew bidla tal-għamara, imma programm ta’ rinovar u attrezzar minn fuq s’isfel u li permezz tiegħu qegħdin inżidu s-servizzi mediċi offruti minn dawn il-postijiet għall-benefiċċju taċ-ċittadin. Imma ninsab ċert li  t-terminu “berġa tas-saħħa” huwa marbut ma’ xiħaġa qadima. U ma  tlum lil ħadd li jaħseb hekk, għax il-bereġ ilhom fostna s-snin u allura għall-grazzja tal-argument forsi wieħed jikkonċedi li dan huwa servizz ‘tal-bieraħ’ li qegħdin inġedduh għaż-żminijiet tal-lum.

    Imma waqt li qegħdin nimxu ‘mal-bieraħ’ qegħdin mexjin ukoll ma’ ‘għada’. ‘Għada’ huwa rifless fit-teknoloġija robotika li qegħdin nintroduċu fl-isptarijiet tagħna. Teknoloġija li tibda fil-maħżen ewlieni tal-mediċini f’San Ġwann. Hemmhekk diġà hemm installat ir-robot li ‘xogħlu’ hu li l-pilloli kollha li nixtru jagħmilhom waħda waħda fl-ippakkjar oriġinali tagħhom f’boroż żgħar li fuqhom ikun hemm stampati l-isem tal-mediċina, il-batch, id-data ta’ skadenza u barcode relatata. Robot ieħor simili dalwaqt ikun magħna wkoll.

    Sadattant fl-ispiżerija ta’ Mater Dei qed jintrama robot ieħor. Dan se jkun  magħqud direttament ma’ sistema ta’ tubi pnewmatiċi. Għand dan ir-robot tasal l-ordni tal-mediċini li tkun saret b’mod elettroniku mit-tobba tas-swali. L-ewwel ma jsir minn dan ir-robot huwa li jagħżel il-mediċina mitluba  skont l-ordni li tkun saret għal kull pazjent f’kull sala partikolari. F’inqas minn ħames minuti l-mediċini jkunu fis-sala mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent uman.

    L-infermieri tas-sala partikolari jkunu mbagħad jistgħu jamministraw il-mediċina li tkun waslitilhom, imma mhux qabel ma jkun iċċekkjat b’mod elettroniku li l-mediċina li twasslet mir-robot tkun dik ordnata. Din hija biss parti mill-istorja. Fis-swali se jkun hemm cabinets awtomatiċi għall-mediċini, bl-isem ta’ MARIO, li se jkunu qegħdin jagħmlu l-istess ħaġa li jkun għamel ir-robot fl-ispiżerija tal-isptar imma jipprovdi aċċess aktar mgħaġġel għall-mediċini.

    Apparti dak li se jkun qed jibbenefika l-pazjent daqstant ieħor se jkun qed jibbenefika l-pajjiż u l-fondi pubbliċi. Se tkun kontrollata l-ħala jew in-nuqqas ta’ mediċina għax l-ordnijiet se jkunu bażati fuq l-użu attwali u allura daqshekk mediċini li jkollhom jintremew għax ikunu skadew. Se nkunu qegħdin ninvestu madwar €12-il miljun mingħajr ma nkunu qegħdin nonfqu aktar milli qegħdin nonfqu llum. Se nkunu qegħdin inħallsu jekk is-sistema tkun iffrankatilna l-istess ammont.

    Sadattant  fit-teatri tal-operazzjonijiet f’Mater Dei għaddej il-proċess tal-installar tas-sistema tal-kirurġija robotika b’investiment ta’ aktar minn €4 miljuni. Kull sena din is-sistema se tkun qed tagħmel interventi kirurġiċi, inizjalment mal-kanċer tal-prostata u eventwalment mal-ginekoloġija u ENT (widnejn, imnieħer u griżem) u oħrajn. Fil-futur qarib is-sistema se jkollha il-kapaċità tagħmel aktar minn hekk.

    Minkejja dan l-iżvilupp teknoloġiku l-kontroll u l-ġudizzju tal-kirurgu jibqa’ assolut. Ir-robot se jkun ta’ għajnuna għall-kirurgu biex jagħmel ħafna aktar u ħafna inqas.

    ‘Ilbieraħ’ xogħol il-kirurgu kien ifisser qsim u ftuħ fil-ġisem biex ikun jista’ jopera. B’mod loġiku dan ifisser sistema invasiva u trawmatika fuq il-ġisem li tikkawża l-uġiegħ u tħalli l-marki.

    ‘Għada’, ir-robot se jkun qed jipprovdi assistenza kirurga li tkun invasiva mill-inqas u bi qtugħ ferm iżgħar. Konsegwenzjalment l-uġiegħ ta’ wara l-operazzjoni jkun inqas, inqas marki u fejqan aktar mgħaġġel.  Teknoloġija li tipprovdi lill-kirurgu bi preċiżjoni, flessibiltà u kontroll waqt l-operazzjoni u tagħmililhielu possibbli li jara mixjietu fil-ġisem tal-pazjent ferm aħjar minn qatt qabel.

    Dawn huma l-benefiċċji għall-pazjent u għall-kirurgu. U bħal fil-każ tas-sistema robotika fejn jirrigwarda ħażna u tqassim ta’ mediċini s-sistema robotika fit-teatri tal-operazzjonijiet se tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għall-ekonomija. Se tkun tfisser li l-pazjent idum inqas ġranet fl-isptar; inqas trasfużjoni ta’ demm, u inqas bżonn ta’ dawk li jissejħu follow-ups u allura inqas traġitti tal-pazjent lejn u lura mill-isptar; il-pazjent ikun jista’ jirritorna lejn ix-xogħol tiegħu aktar qabel kif ukoll  lejn il-ħajja normali tiegħu.

    Dan t’hawn fuq huwa biss parti minn mixjietna mal-‘bieraħ’ u ma’ ‘għada’, mixja li għas-sena 2020 qegħdin nipprovdu €2 miljuni kuljum. Kburin li qegħdin nagħmlu dan kollu b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook