Immigranti ddisprati

  • Nov 04, 2019 08:28
  • Miktub minn Alfred Sant

    Id-disprament u l-mard mentali fost l-immigranti “irregolari” huma problema li mhijiex tingħata biżżejjed attenzjoni. Jew aħjar, il-problema ma titqiesx bħala waħda li tikkonċernana.

    Ħaġa li tiftiehem għax la l-immigranti huma kunsidrati bħala l-“oħrajn” li ġew fostna, bla ma ġew mistiedna, id-diffikultajiet li huma jaffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ma jinteressawniex. Mhumiex problema tagħna u m’għandhomx ikunu.

    Min qallhom iħallu pajjiżhom? Min qallhom jiġu fostna? X’għandu jimportana mid-disprament tagħhom?

    Dawn huma kummenti li tisma’ kull fejn tmur, meta ma jsirux fuq ton wisq aktar aħrax. Tismagħhom fost membri tal-kategoriji kollha tas-soċjetà – minn dawk bl-aktar dħul baxx għal min hu l-aktar komdu u jitqies bħala sofistikat.

    Id-disprament ta’ ħaddieħor mhux xi ħaġa li għandha tinteressana; dak hu l-verdett. Kulħadd iġorr salibu. L-aqwa familtna u mbagħad, l-aqwa l-bqija tal-Maltin u l-Għawdxin, sakemm il-problemi ta’ dil-bqija ma jaffettwawx ħażin lilna u lil familtna. Għax jekk iva, anke minnha ma jkunx jimportana.

    Hekk għandu jkun.

    *** 

    EDUKAZZJONI ITWAL

    Għamel sew il-Prim Ministru li qajjem il-proposta għaż-żieda ta’ sena fil-proċess edukattiv li jsegwu t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Jista’ jkun żgur li kontriha se jqumu l-oġġezzjonijiet kollha possibbli mill-irkejjen kollha tal-pajjiż.

    Ovvja li jekk din iż-żieda tiġi mdaħħla, trid tkun ippjanata tajjeb u minn snin qabel tidħol fis-seħħ. Inkella tispiċċa tbażwira. Kollox juri li riforma hekk hi aktar minn meħtieġa, jekk tassew irridu bi sforz kollettiv, intejbu l-istendards edukattivi tagħna, mhux fejn diġà jinsabu tajba, imma fejn qed infallu.

    Naħseb li l-aqwa deċiżjoni meħtieġa se tkun dwar liema hu l-fażi tal-proċess edukattiv li aħjar jitwal. Meta fl-imgħoddi sħabi u jien konna pproponejna li dil-ħaġa ssir fil-fażi fejn jista’ jiġi żgurat li l-edukazzjoni primarja rnexxiet għal kulħadd, ħareġ bravu mill-kbar u xandarha li ridna nagħmlu “repeaters” mit-tfal Maltin u Għawdxin.

    ***

    STRUTTURI TA’ TAXXI

    L-aħħar statistika Ewropea dwar taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali turi li l-medja għall-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea hi li dawn jammontaw għal 40.3 fil-mija tal-ekonomija kollha (Gross Domestic Product).

    Malta tiġi fost il-pajjiżi li jġorru l-anqas piżijiet ta’ taxxa mqabbla mal-Prodott Gross Domestiku: 32.7 fil-mija. Anqas minna jiġu l-Irlanda (23 fil-mija); il-Bulgarija (29.9 fil-mija); il-Litwanja (30.5 fil-mija); u l-Latvja (31.4 fil-mija).                       

    Fost il-pajjiżi bl-ogħla persentaġġi insibu l-pajjiżi Skandinavi, il-Belġju u l-Lussemburgu, kollha b’taxxi eċċ li jlaħħqu aktar minn 40 fil-mija. Dan mhux argument biex jiżdiedu t-taxxi f’Malta! Imma jgħin biex jispjega forsi għaliex f’uħud minn dawn il-pajjiżi is-servizzi soċjali u benefiċċji oħra li jgawdu n-nies, huma aħjar minn tagħna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook