Mediċini out of stock!!

  • Ott 30, 2019 10:11
  • Miktub minn Chris Fearne

    Ilbieraħ, it-Tlieta 29 ta’ Ottubru, fil-Parlament iddiskutejna il-Qasam tas-Saħħa f’pajjiżna fl-isfond tal-Baġit għas-sena 2020. Sessjoni bħal tal-bieraħ isservi biex iż-żewġ naħat tal-Kamra jitrattaw qasam partikolari, f’dan il-każ il-qasam tas-saħħa. Ma ddejjaqt xejn bl-interventi min-naħa ta’ tliet kelliema min-naħa tal-Oppożizzjoni, id-Deputati kollegi Stephen Spiteri, Mario Galea u Ryan Callus, anke jekk ma qbiltx mal-mod li bih iħarsu lejn ċerti aspetti f’dan il-qasam. 

    Ma nistax ngħid l-istess għall-mod kif tkellem riċentement Dr Adrian Delia, Kap tal-Oppożizzjoni, mhux ilbieraħ fil-Parlament, dwar il-qasam tal-mediċini. Ngħid hekk għax jekk hemm qasam wieħed fis-settur tas-saħħa li m’hemmx lok li jiġi kritikat huwa eżattament il-qasam tal-mediċini. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jilmenta minn, skont hu, mediċini out of stock, xiħaġa li għalina u għal kull min jgħix f’Malta u Għawdex hija xiħaġa tal-passat. Qalilna li jmissna nistħu li kellna mediċini out of stock. Ma rridx li nippolitiċizza dan il-qasam, imma ma tistax ma tweġibx għal akkuża bla bażi bħal din. Ma tistax ma tweġibx biċ-ċifri li jitkellmu waħedhom.

    Possibbli ma jafx il-Kap tal-Oppożizzjoni li taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista, sal-bidu tas-sena 2013, il-medja ta’ mediċini out of stock tul l-ewwel żewġ terzi tas-sena kienet tkun ta’ 200 mediċina KULJUM. Ma jafx li lejn l-aħħar xhur tas-sena kien ikollna medja ta’ 450 mediċina KULJUM out of stock. Kien hemm ġimgħa fejn kellna 692 mediċina out of stock! Bilfors li ma kienx jaf b’dawn iċ-ċifri għax kieku ma kienx jgħidilna li jmissna nistħu meta tul is-sena 2017 kellna żewġ mediċini biss out of stock u għal ftit jiem; l-istess bħalma kellna għas-sena 2018 u din is-sena kellna tlieta. Minn 692 għal tlieta u jgħidilna li jmissna nistħu!!!!!

    Ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni għoġbu ma jattendix għal din is-Seduta Parlamentari. Kieku attenda ma kienx jisma’ dan t’hawn fuq biss. Kien jisma’ wkoll kif riċentement kien hemm problema fuq mediċina li jġib il-privat, u mhux il-Gvern, li kienet out of stock u dan kien se jkun ta’ detriment għall-pazjenti li jieħdu din il-mediċina. Dħalna għaliha bħala Gvern u f’temp ta’ 24 siegħa sibna mnejn nistgħu nġibu din il-mediċina speċifika. Kieku attenda l-Kap tal-Oppożizzjoni kien ikollu informazzjoni diretta li għadna kemm żidna fuq il-Formularju erba’ mediċini differenti imma li kollha jintużaw minn dawk milqutin minn mard fil-prostata. Kien ikun jaf il-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ammont ta’ persuni li se jibbenefikaw minn din il-miżura huwa ta’ madwar 52,000 li s’issa kienu qegħdin iħallsu għalihom minn bwiethom. Tnejn minn dawn il-mediċini ġibnihom diġà u t-tnejn l-oħra se nkunu qegħdin inġibuhom kmieni s-sena d-dieħla. Kien ikun jaf il-Kap tal-Oppożizzjoni li dawn it-52,000 ruħ se jkunu qegħdin jiffrankaw medja ta’ €400 fis-sena kull wieħed.

    Imma mhux hekk biss kien ikun jaf il-Kap tal-Oppożizzjoni kieku għoġbu jattendi għas-Seduta Parlamentari. Kien ikun jaf li vvutajna €18-il miljun għall-mediċini tal-kanċer. Nefqa mingħajr preċedent għal dawn it-tip ta’ mediċini li parti kbira minnhom kien jagħmel tajjeb għaliha l-Malta Community Chest Fund.

    Semmejt biss qasam wieħed minn ħemel li kien jisma’ dwarhom il-Kap tal-Oppożizzjoni kieku għoġbu jattendi. Ovvjament mhux il-lok li nidħol fuq kull miżura li ħsibna għaliha, imma lill-Kap tal-Oppożizzjoni ngħidlu biss li għas-sena 2020 għall-qasam tas-saħħa qegħdin nivvutaw €2 miljuni KULJUM, iva qed taqra sewwa, €2 miljuni kuljum, €753 miljun f’sena, ammont li huwa aktar mid-doppju ta’ dak li kien ivvota għall-qasam tas-saħħa Gvern Nazzjonalista fis-sena 2012, €370 miljun.

    Konvint li l-poplu jaf min fil-verità jmissu jistħi fejn jidħlu mediċini out of stock.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook