EMFAŻI TAJJEB

  • Ott 24, 2019 07:53
  • Miktub minn Alfred Sant

    EMFAŻI TAJJEB

    Qed jogħġobni l-emfażi li qed jagħti l-gvern fuq l-effetti soċjali tal-baġit li ħabbar għas-sena 2020.

    L-istrateġija soċjali tal-aħħar snin qed tagħti riżultati siewja. Naħseb li mhux daqs kemm il-gvern stess stenna, imma xorta waħda, għandu biex jiftaħar b’dak li qed jikseb.

    Fil-qasam soċjali, il-problema dejjem tkun din: għamilt kemm għamilt progress, l-istennija tkun – mhux l-anqas fost dawk li l-aktar qed jibbenefikaw mill-progress – biex dak li qed isir tajjeb, jirranka.

    Wara kollox, hi stennija leġittima. Min-naħa l-oħra, jekk il-pass tat-titjib soċjali jitħarrek “wisq”, fl-ekonomija kapitalista fejn ninsabu, malajr il-pajjiż jista jispiċċa mhux kompetittiv u dak li jkun intrebaħ jitpoġġa f’periklu. Hekk kien ġara lejn tmiem is-snin sebgħin wara li għal xi snin it-titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u fil-benefiċċji soċjali ġab warajh staġnar ekonomiku fl-istess żmien li nfirxet riċessjoni fis-swieq barranin ta’ Malta u l-għoli tal-ħajja tqawwa.

    FONDI EWROPEJ GĦAS-SNIN SA 2027

    Waqt li għajnejn kulħadd issammru fuq it-telenovela tal-Brexit, baqgħu għaddejjin l-isforzi biex il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jiftehmu dwar kemm se jonfqu u kif bejn is-sena d-dieħla u s-sena 2027. Għax waqt li hemm proposti li magħhom qed jaqbel kulħadd  (jew kważi) biex jiddaħħlu ħidmiet ġodda li se jżidu man-nefqa (bħal fuq ambjent, immigrazzjoni, difiża...), ħadd ma jrid jaċċetta l-proposta li għamlet il-Kummissjoni Ewropea (u magħha l-Parlament Ewropew) biex jiżdied is-sehem li kulħadd jagħti bħala parti mill-ekonomija tiegħu.

    Terġa’ bit-tluq tar-Renju Unit, se jkun hemm tnaqqis sostanzjali fid-dħul tal-Unjoni. U meta id-diskussjoni ddur għall-ħtieġa li fiċ-ċirkostanzi titnaqqas l-ispiża, jqumu reżistenzi kbar minn diversi pajjiżi membri. Żgur li m’għandu jkun hemm l-ebda tnaqqis fuq il-biedja, jew fuq il-fondi li jintużaw għal proġetti ta’ sostenn ekonomiku u soċjali, jinsistu.

    Pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Olanda qed jagħmluha ċara li mhumiex lesti jkunu huma li jġorru l-aqwa tal-piżijiet finanzjarji li se jinġemgħu.

    SAL-AJRUPORT

    Mill-esperjenza tiegħi, nista’ nikkonferma li t-toroq il-ġodda fid-dawra ta’ Ħal-Qormi u tal-Marsa diġà qed ikollhom effett pożittiv.

    Biex tasal minn B’Kara sal-ajruport... u dan f’mumenti differenti u fi ġranet differenti tal-ġimgħa ... il-ħin li jkollok bżonn naqas naħseb b’aktar min-nofs.

    U li kellu wkoll tajjeb ix-xogħol li sar u li għadu miexi, kien li ġie ppjanat b’galbu u veru li joħloq l-anqas inkonvenjent possibbli. Mank li l-istess ħaġa tista’ tintqal għax-xogħlijiet dejjem għaddejja fit-toroq sekondarji u residenzjali tal-pajjiż. Ġieli dak li tiffranka fis-sewqan sal-ajruport, titilfu tinnaviga mat-toroq li jdumu nofshom magħluqa jew imħarbta, bħal fil-wied ta’ B’kara.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook