Il-Malti

  • Ott 12, 2019 17:10
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Dan kien suġġett li dan l-aħħar ġie diskuss mhux ħażin fil-gazzetti.  Saru ħafna suġġerimenti.  Kien hemm min beda jitfa’ din il-problema fuq il-barranin li hawn Malta għaliex ma jafux jitkellmu bil-Malti u kienu qed jippressaw lill-Gvern biex jieħu passi.

    Li jsir dan il-pass m’iniex kontra.  Biss nemmen li l-problema xorta hemm tibqa’ għaliex illum għandek ħafna Maltin li lanqas huma ma jitkellmu bil-Malti.  Dan ġej minn żewġ ċirkostanzi – waħda nistgħu nikkumbattuha.  L-oħra aktar diffiċli.  

    Waħda mill-problemi li qed tolqot lit-tfal, u għalhekk lil-ġenerazzjonijiet futuri, hi l-internet.  Illum min jilgħab xi logħob jew jara xi ħaġa fuq il-Youtube, il-maġġoranza kbira tal-affarijiet li hemm anki dwar Malta huma kollha bl-Ingliż.  Għandek ħafna dokumentarji fuq Malta li huma wkoll bl-Ingliż.  Nemmen li għandu jsir sforz biex dawn ikun hemm ukoll verżjoni bil-Malti.  Biex ngħidu kollox, qed isir sforz biss naħseb li rridu nagħmlu aktar.  Eżempju ta’ ħaġa pożittiva kien id-dokumentarju fuq l-istorja ta’ Malta li għamlu Heritage Malta bil-cartoons u li kellhom ippoġġuh ukoll fuq il-Youtube.  

    Dan l-aħħar smajt ukoll li l-Universita’ ta’ Malta qed isir xogħol biex jinħoloq logħob biex it-tfal jitgħallmu xi suġġetti.  Pass importanti ħafna għaliex it-tfal aktar jitgħallmu bil-logħob milli bil-lezzjonijiet.  Biss nispera li anki dawn ikollhom verżjoni bil-Malti.  

    Għaliex ma ktibtx li dan il-logħob għandu jkun bil-Malti biss ?  Ir-raġuni hi li s-Suq Malti hu żgħir u jekk naslu biex dawn jinbigħu barra minn Malta, li jkunu bl-Ingliż ikun vantaġġ kbir.  Dan iwassalni għat-tieni ċirkostanza – is-sistema edukattiva tagħna.  

    Ħafna drabi it-tfal tagħna jitgħallmu bl-Ingliż.  Fil-fatt anki l-eżamijiet ta’ suġġetti bħal Matematika li mhux ibbażat fuq lingwa, isir bl-Ingliż.  Dan ifisser li għandna nneħħu li t-tagħlim isir bl-Ingliż u jsir bil-Malti ?  Din hi sikkina li taqta’ miż-żewġ naħat.  Jekk inneħħu l-Ingliż, huma t-tfal tagħna stess li ser ibatu.  Jekk nieħdu dawk li jmorru biex ikomplu l-istudji tagħhom postijiet bħar-Renju Unit, illum, peress li s-sistema edukattiva tagħna hi bl-Ingliż, għandhom il-vantaġġ li m’għandhomx bżonn li jagħmlu eżami tal-Ingliż qabel ma jiġu aċċettati biex ikomplu jistudjaw.  Dan hu vantaġġ kbir.  Dan barra l-fatt li peress li jkollhom bażi tajba tal-Ingliż, ma jsibuhiex diffiċli biex jintegraw.

    Hemm vantaġġ ieħor li ftit jaħsbu fih.  L-industrija li għandna Malta, ħafna minnha ġejja minn investiment barrani.  Li għandna l-maġġoranza kbira tan-nies jafu jitkellmu bl-Ingliż tgħina ħafna biex nattiraw investiment minn dawk il-pajjiżi fejn jew l-Ingliż hu l-lingwa uffiċjali jew fejn il-lingwa Ingliża hi familjari.  

    B’daqshekk ma jfissirx li ma nistgħu nagħmlu xejn.  Diġa’ semmejt li dokumentarji u anki logħob għandu jkollhom ukoll verżjoni bil-Malti – Malti ji jinftihem.  Dan iwassalni għal żewġ postijiet li nemmen li l-Malti li jinftihem għandu jkollu prominenza.  

    L-ewwel post hu l-Qorti.  Hi tal-mistħija li tmur il-Qorti u ħlief Taljan mgħaffeġ bil-Malti ma tismax.  Dan misshom jaraw u jippruvaw jirranġaw qabel kollox.  Ir-raġuni hi sempliċi.  Ħafna min-nies li jkunu l-Qorti mdaħħlin f’xi kawża sempliċiment ma jkunux jistgħu jifhmu xi jkun għaddej minkejja li hemm l-interessi tagħhom fin-nofs.  

    Hu għalhekk li qbajt skantat meta riċentament smajt l-Arċisqof jagħti l-importanza li l-avukati jkunu jafu bit-Taljan.  L-ewwel u qabel kollox għandhom jitgħallmu l-Malti – Malti li nitkellmu bih aħna l-Maltin u mhux kawlata Taljan u Malti li ħlief l-avukati ma jifhmux.  Dan iservi biex kull min ikun imdaħħal f’xi kawża jifhem x’ikun għaddej.  Naħseb li dan hu dritt fundamentali.

    Dan imisshom jaraw min jinteressah is-Saltna tad-Dritt u mhux ħafna proċeduri li n-nies ftit li xejn jinteressawhom.  L-interess primarju tan-nies hu li jifhmu x’ikun għaddej.  Dan irid sforz kbir, sew mill-Fakulta’ tal-Liġi, sew mill-Maġistrati u l-Imħallfin, sew mill-Kamra tal-Avukati u sew mill-avukati nfushom  

    Sors ieħor li qed jikkorrompi l-Malti hu l-Malti li qed jiġi vvintat fi Brussell.  Malti li ma jinftehimx.  Mhux l-ewwel darba li nippova naqra xi dokument tal-UE bil-Malti.  Iżda lanqas nilħaq naqra tlitt paragrafi li nittendi li ma nkun qed nifhem xejn.  Hemm bilfors li jkolli naqra d-dokument bl-Ingliż għaliex nittendi li għalkemm ili nitkellem bil-Malti mas-sebgħin sena, għadni ma nafx bil-Malti jekk dak il-Malti li qed joħroġ minn Brussell hu l-Malti veru.  Il-Malti veru hu dak il-Malti li jitkellmu bih il-Maltin u mhux dak li jivvintah xi ħadd.

    Il-kelma ‘veru’ tfakkarni fit-tgħaffiġa li qed noħolqu b’din il-kelma sempliċi.  Illum minħabba li l-ġurnalisti li għandna qed iwasslu il-Malti tal-qrati fuq il-mezzi tax-xandir, wieħed mal-ewwel jittendi li tant jafu Malti dawn l-għorrief li lanqas huma kapaċi jikkonjugaw din il-kelma kif jikkonjuga l-poplu Malti.  

    Dawn huma l-akbar tlitt sfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Malti – sfidi li jekk kulħadd jgħati sehmu nistgħu nelbugħhom.  Biss dawn l-isfidi mhux ġejjin mill-barranin, iżda minna l-Maltin stess.  Għalhekk hu aħna l-Maltin li rriedu nipproteġu l-Malti billi nużawh aktar.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook