Bdejna inwettqu wegħda oħra dwar mediċini b’xejn

  • Set 25, 2019 07:22
  • Miktub minn Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

     

    Waħda mill-wegħdiet elettorali fil-qasam tas-saħħa għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017 kienet li indaħħlu iżjed mediċini fil-lista ta’ mediċini b’xejn, fil-Formularju tal-Gvern. Fost il-mediċini li ssemmew fil-Programm Elettorali kien hemm dik għall-kura ta’ mard tal-prostata. Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li mill-ġimgħa d-dieħla se nkunu bdejna inwettqu din il-wegħda. Se nkunu bdejna l-proċess biex madwar 52,000 ruħ li jbatu mill-marda tal-prostata jibdew jingħataw din il-mediċina b’xejn. Il-valur monetarju ta’ din il-mediċina jammonta għal madwar €5.3 miljun fis-sena.

    Ċifra ta’ 52,000 pazjent tolqtok għax hija ċifra qawwija. Huwa fattwalment stabbilit li l-benign prostate enlargement (prostata kbira) hija kundizzjoni li tolqot numru kbir ta’ rġiel, bil-pazjenti jkollhom bżonn xi forma ta’ trattament. Jirriżulta li 50% tal-irġiel ikunu diġà sofrew bi problemi fil-prostata fl-età ta’ 50 sena filwaqt li 75% tal-irġiel ikunu sofrew il-problemi sakemm jilħqu l-età ta’ 80 sena.

    Sal-lum il-mard tal-prostata ma kienx inkluż mal-lista ta’ kundizzjonijiet kroniċi li għalihom tingħata l-mediċina b’xejn. Biex seta’ jingħata dan il-benefiċċju kien meħtieġ li jsiru emendi legali, proċess li għamilnih. Hemm erba’ tipi ta’ mediċini għall-mard tal-prostata li se nkunu qegħdin indaħħluhom fil-Formularju tal-Gvern f’terminu ta’ sitt xhur, bl-ewwel żewġ mediċini ġodda jibdew jingħataw mill-ġimgħa d-dieħla, mill-1 ta’ Ottubru.

    Mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jibbenefikaw minn din il-miżura madwar 15,000 pazjent tal-marda tal-prostata biex imbagħad matul is-sitt xhur li ġejjin jiddaħħu żewġ mediċini ġodda oħrajn u b’hekk b’kollox ikunu qegħdin jibbenefikaw madwar 52,000 pazjent.

    Permezz ta’ din il-miżura qegħdin nikkalkulaw li pazjent ikun qed jiffranka madwar €400 fis-sena. Ċertament li din se tkun ta’ għajnuna kbira għall-benefiċjarji aktar u aktar meta huwa fatt magħruf li ħafna mill-irġiel li jbatu minn kundizzjoni fil-prostata huma wkoll pensjonanti.

    Kif mistenni, tħabbir ta’ miżura ġdida bħal din tista’ toħloq tfixkil lil dak li jkun dwar x’għandu jagħmel minn issa ‘l quddiem. Li jrid isir huwa li jekk għandek appuntament fl-Outpatients ta’ Mater Dei fid-Dipartiment tal-Uroloġija u għandek problemi ta’ prostata għandek tkellem lill-konsulent tiegħek biex tara jekk tistax tbiddel it-trattament għal dawn il-mediċini. Jekk, min-naħa l-oħra, m’għandekx appuntament mal-Outpatients li jrid isir huwa li tkellem lit-tabib tal-familja li min-naħa tiegħu se jkollu t-tagħrif kollu meħtieġ biex jiggwidah dwar liema pazjenti jistgħu jinqalbu għat-trattament eżistenti.

    Huwa ta’ sodisfazzjon li tkun taf kemm huwa kbir in-numru ta’ dawk il-Maltin u l-Għawdxin li se jkunu qegħdin jintlaqtu bl-aktar mod pożittiv minn din il-miżura. Miżura li se tkompli ssaħħaħ is-servizz mediku ta’ pajjiżna mogħti b’xejn  liċ-ċittadini tiegħu. Dan għandu jagħmilna kburin ilkoll kemm aħna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0