Il-ħolqa d-dgħajfa

  • Set 19, 2019 09:02
  • Miktub minn Alfred Sant

    Meta fi proċess amministrattiv – regolatorju jew ta’ sorvelja – jkunu mdaħħla numru ta’ istituzzjonijiet li jiddependu minn xulxin biex iżommu l-ħajja għaddejja, jinħoloq bżonn ta’ kordinament sħiħ bejniethom jekk l-affarijiet se jsiru b’effiċjenza.

    Ħaġa ċara: kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet trid tkun effiċjenti minnha nnifisha. Jekk xi waħda ma tkunx, il-proċess jaqa’ lura jekk ma jibdiex jeħel għal kollox. Dan bħal katina magħmula minn sensiela ta’ ħoloq. Il-katina tista’ tkun magħmula mill-aqwa azzar imma s-saħħa tagħha se tkun soda biss daqs l-aktar ħolqa dgħajfa ta’ ġo fiha.

    Jidhirli li dil-ħaġa tgħodd bħalissa għall-istituzzjonijiet imdaħħla fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. It-titjib li jrid isir mhux biss filli jiddaħħlu proċeduri ġodda meħtieġa. Magħhom irid isir sforz biex jiġi żgurat li kull istituzzjoni qed taħdem minn ġewwa u minn barra bis-saħħa u b’effett.

    ***

    BREXIT GĦAL DARB’OĦRA

    Kemm qed insibhom vojta u żejda l-pożizzjonijiet u l-ispekulazzjonijiet fuq il-qagħda fir-Renju Unit dwar Brexit, speċjalment meta jsiru minn... ħalli nsejħilhom partijiet terzi... li fl-istadju attwali m’għandhomx vuċi fil-kapitlu ta’ x’baqa’ min-negozjati.

    Ir-Renju Unit għaddej mill-akbar kriżi politika tiegħu tal-aħħar disgħin sena. Il-modi normali ta’ kif fil-pajjiż titħaddem id-demokrazija parlamentari jinsabu ġġammjati. L-għażliet għall-futur baqgħu mċajpra. M’hemmx kurrent maġġoritarju li jiġbed naħa jew oħra. Sfortunatament, iċ-ċansijiet huma li t-taħwid politiku jibqa’ jiżdied.

    Għal xi ħadd bħali li baqa’ b’simpatija qawwija lejn ir-Renju Unit, il-qagħda konfuża attwali tikkostitwixxi traġedja. Immaterjali ta’ min hu t-tort. Kummenti “uffiċjali” li ma humiex parti min-negozjati ċentrali qegħdin biss iżidu mal-istorbju li ħoloq il-Brexit, xejn aktar.

    *** 

    HELLA HAASE

    Għalkemm ili naf b’Hella S Haase, rumanziera ewlenija Olandiża, dan l-aħħar kien li qrajt xi ħaġa tagħha – rumanz storiku dwar l-aħħar poeta pagan ta’ Ruma, Claudius Claudianus, mill-ħames seklu wara Kristu. It-traduzzjoni li qrajt kellha t-titlu “It-togħma qarsa tal-lewz morr”.

    Fl-aħħar għaxar snin, Claudianus għex ħajja moħbija wara li nqatel dak li kien il-patrun tiegħu. Jittella’ quddiem imħallef li bħalu kien ġie Ruma f’żogħżitu minn Lixandra. It-tnejn segwew karrieri differenti, bl-imħallef integrat fl-istrutturi dominanti Nsara f’Ruma. Il-belt għadha kemm ġiet sakkeġġjata mill-Vandali. Il-poeta jaqla’ l-għajxien billi jgħallem il-letteratura, bis-suspett li qed jippromwovi l-prattiċi pagani. Insegwu l-konfront bejn it-tnejn.

    Haase tikteb b’mod effettiv għax hi ekonomika fl-użu tal-kliem. Forsi ekonomika żżejjed. Biex nifhem sew l-iżvilupp tan-nisġa wara l-ewwel kwart tar-rumanz, kelli nagħmel ftit “riċerka” separata dwar il-ħajja ta’ Claudianus. Kienx ikun aħjar kieku dort għal xi wieħed mir-rumanzi “Indoneżjani” ta’ Haase? Għal darb’oħra.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0