Malta Pride Week 2019

  • Set 11, 2019 09:02
  • Miktub minn Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

    Jekk minn nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra dħalt il-Belt u għaddejt minn quddiem il-Ministeru għas-Saħħa fi Triq il-Merkanti stajt tinnota li mal-gallerija ewlenija tal-binja għandna strixxun bil-kuluri tal-qawsalla li huwa sinonimu mal-attivitajiet li l-Organizzazzjoni Non-Governattiva Allied Rainbow Communities qegħda ttella’ fl-okkażjoni tal-Malta Pride Week 2019. Ninsabu preċiżament f’nofs il-ġimgħa ta’ dawn l-attivitajiet li bdew nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru u jintemmu nhar il-Ħadd li ġej, bil-qofol tagħhom tkun il-parata – The Malta Pride March & Concert - li se jsiru nhar is-Sibt li ġej, 14 tax-xahar wara nofsinhar u jibqgħu sejrin sa tard fil-għaxija.

    Il-ġimgħa li għaddiet saritli żjara mill-organizzaturi tal-Malta Pride Week li matulha ma stajtx ma nammirax id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu jaħdmu għal drittijiethom, ħidma li mhux dejjem kienet faċli għalihom. Ma ninħbewx wara subgħajna, anke f’pajjiżna sa ftit tas-snin ilu ma kienx faċli daqskemm hu llum għal persuni LGBTIQ. U ma nkun qed ngħid xejn ta’ barra minn hawn li minkejja l-avvanzi kbar li saru xorta għadhom jiltaqgħu ma’ diffikultajiet.

    Għandhom raġun meta jsostnu li sfortunatament għad hawn ħafna li jaħsbu li attività bħal dik li se jtellgħu s-Sibt li ġej hija biss skuża biex jiċċelebraw. Isostnu li dan huwa bogħod mill-verità u li attività bħal din tagħtihom sens ta’ komunità, li huma umani u li qatt m’huma waħedhom. L-attività tagħtihom opportunità li jkunu rikonoxxuti għax jekk jibqgħu magħluqin fihom infushom, l-injoranza u l-biża’ jibqgħu jiddominaw.

    Inħossni kburi ngħid, u dan mingħajr ebda sens ta’ partiġġjaniżmu politiku, li Malta llum hija differenti minn sitt snin ilu. Illum, persuni LGBTIQ għandhom l-aqwa drittijiet fl-Ewropa. Illum għandna soċjetà miftuħa li ma tagħmilx distinzjoni bejn il-persuni. Inħossni kburi li nifforma parti mit-tmexxija ta’ Gvern li f’perjodu ta’ ftit snin ħriġna lil pajjiżna minn sitwazzjoni umiljanti li nkunu wieħed minn żewġ pajjiżi biss fid-dinja fejn ma kienx hemm l-liġi tad-divorzju, litteralment fil-qiegħ, għal sitwazzjoni fuq il-quċċata bil-pubblikazzjoni internazzjonali u influwenti, The Economist, tintola rapport Malta leads the way for gay and transgender rights in Europe.

    Ma ninsabux fejn ninsabu b’kumbinazzjoni. Kellna viżjoni u konna nafu kif bi prudenza nsarrfuha f’realtà. Ridna nibdew bl-ogħti ta’ drittijiet legali bażiċi lil dawk b’orjentazzjoni sesswali differenti u ta’ ġeneru. Bl-introduzzjoni ta’ għaqda ċivili lil persuni tal-istess sess tajna d-dritt li tħobb lil min trid, dritt li aktar tard ssaħħaħ bl-introduzzjoni ta’ dritt ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Tajna d-dritt għal trattament b’xejn tal-IVF lil nisa lesbjani u fi ftit ġimgħat oħra rġiel gay se jkunu jistgħu jagħtu d-demm.

    Komplejna navvanzaw biex persuni transgender jiddeterminaw huma l-ġeneru tagħhom filwaqt li bdilna l-liġi biex dawn ikunu intitolati għal terapija tal-hormones b’xejn. B’konformità ma’ dan ftaħna Gender Wellbeing Clinic fl-Imtarfa mmexxija minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti u sal-lum aktar minn 100 persuna ngħataw l-għajnuna fuq dawn il-linji. Il-fatt li l-HIV m’għadhiex tiddomina l-aħbarijiet ma jfissirx li qegħdin ninjorawha. Anzi. Bħalissa qegħdin naħdmu fuq fronti varji u qed titfassal strateġija li se tkun ffukata fuq il-prevenzjoni, dijanożi bikrija li twassal ukoll għal kura u trattament bikri. Strateġija li qegħdin naħsbu biex invarawha għall-konsultazzjoni pubblika aktar tard din is-sena.

    F’dan ir-rigward diġà għandna biex inkunu kburin. Rapport maħruġ mill-European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC) jiddikjara li Malta hija l-uniku pajjiż minn fost 39 pajjiż Ewropew u fl-Asja Ċentrali fejn kull individwu li jirriżulta li għandu l-virus tal-HIV qiegħed ikun ikkurat.

    Probabilment l-akbar rigal li tista’ tieħu mill-politika huwa li b’riżultat ta’ policies u deċiżjonijiet li tieħu tara lin-nies jgħixu ħajja aktar sana u kuntenta. Meta llum inħares lejn il-komunità LGBTIQ Maltija nitbissem b’sodisfazzjon partikolari.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook