Kjass fuq kotba

  • Set 09, 2019 10:03
  • Miktub minn Alfred Sant

    Għoġobni l-kjass li sar dwar il-kotba qodma li skont l-ewwel storja, kienu se jintremew. Kont bil-fehma li l-kotba ma tantx baqgħu stmati f’pajjiżna u qed jinqraw dejjem anqas.

    Min-naħa l-oħra, statistika pubblikata wriet li qed jissellfu aktar kotba mil-libreriji publiċi. Huma tfal u individwi ta’ età żagħżugħa li wasslu għal din iż-żieda. Sinjal ieħor li l-kotba mhumiex daqshekk nieqsa mill-attenzjoni popolari daqskemm wieħed jibża’, meta l-qari li xtered ma’ kull fejn tmur hu tal-kompjuters u tat-telefownijiet mobajl.

    Biex inkun għedt kollox, għalkemm qodma sew u żgur ma kellhomx jitwaddbu, ma tantx rajt li l-kotba li daħlu fil-kontroversja fihom wisq x’tomgħod. Għandi xi 6 bħalhom u ma jiddispjaċinix li għadni ma qrajthomx. Xorta ħaġa tajba li qamet il-kontroversja. Għamlet ġid daqs il-ħidma ta’ Mark Camilleri u l-Kunsill tal-Kotba “tiegħu” biex iqajmu għarfien għall-ktieb.

    ***

    PRIVATEZZA

    Għaddejja kawża fi qrati Ewropej dwar l-użu klandestin ta’ informazzjoni personali li baxx baxx, allegatament tal-Google jgħaddu dwar klijenti ta’ ditti online, għal ditta oħra ta’ analiżi kummerċjali. Din imbagħad tuża l-informazzjoni biex tqassam il-materjal tagħha ta’ bejgħ u xiri bl-aħjar mod.

    Xejn ma stagħġibt b’din l-allegazzjoni. Nemmen li mhux veru hemm xi kontrolli serji fuq kif it-tagħrif dwar li nagħmlu mill-internet jiġi rispettat, waqt li jinġabar u wara.

    Kelli indizju ieħor ta’ dan fl-aħħar ġimgħat. Kif jagħmlu miljuni, fettilli nordna bl-internet ... ejja ngħidu kotba... mingħand ditta magħrufa, sejħilha D. Il-kotba waslu kif mistenni.

    Ftit jiem wara, nirċievi e-mail minn ditta oħra magħrufa, sejħilha A, tipproponi għall-bejgħ il-kotba li kont xtrajt minn D, imdaħħla f’lista oħra ta’ kotba, ukoll għall-bejgħ, tal-istess ġeneru bħal dawk mixtrija minn D.

    Le, mhux minnu li hemm xi rispett tar-regoli f’dak li qed jiġri minn fuq l-internet bħalissa. Min hu l-aqwa, qed iħawwel.

    ***

    KONTROLLI FUQ IL-KAPITAL

    Kellna laqgħa tal-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew fejn ġew diskussi l-miżuri għaddejja bħalissa fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jilqgħu għall-ħasil tal-flus minn kriminali, mafjużi, kuntrabandisti u nies għonja li ma jridux iħallsu t-taxxi dovuti minnhom. 

     Il-miżuri qed dejjem jissaħħu u jikkomplikaw rwieħhom. Sew qed isir li jissaħħu. Fil-laqgħa, l-ilment kien li għadhom lura milli jissaħħu u milli jitwettqu b’saħħa. Naqbel ukoll.

    Biss bilfors kelli nosserva kif il-problema kollha qamet b’daqstant qawwa minn meta l-pajjiżi tal-“Punent” neħħew għal kollox il-kontrolli fuq it-trasferimenti kapitali bejniethom. Issa, qed ikollhom joħolqu kontrolli “kapillari” oħra biex jiżguraw li dak li fetħu l-bibien għalih, jerġa’ jitrażżan. X’ironija.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook