IL-POPULIŻMU

  • Aww 22, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fl-Ewropa sa issa, il-biża’ mill-populiżmu kien ġej mis-sens li l-populisti rikbu fuq id-dwejjaq u l-frustrazzjonijiet taċ-ċittadini u ħalqu mewġa politika li se tinfirex ma’ kullimkien. L-għajta tagħhom kienet li jiddefendu l-interess tal-poplu akkost ta’ kollox kontra forzi li jridu jħolluhom f’interessi usa’, fejn se jispiċċaw imdgħajfa u ttraduti.

    Problema tal-populiżmu madankollu kienet li min-natura stess tiegħu, dan bilfors jibqa’ kkakkmat ġewwa fruntieri nazzjonali. Sakemm dawn il-fruntieri huma kbar biżżejjed bħal fl-Istati Uniti, forsi l-iżvantaġġ mhux qalil wisq.

    Biss, kif sab Matteo Salvini qabel l-aħħar elezzjonijiet Ewropej, meta tiġi biex tibni alleanza populista fuq skala kontinentali, il-biċċa ssir komplikata. Anke jekk irid għaqda wiesgħa bejn il-forzi populisti Ewropej, l-ebda populist ma jista’ jċedi l-priorità nazzjonali.

    Terġa’, meta jiġi għall-vot f’fora Ewropej, l-elettorat populista jibqa’ lura. Hekk ġara f’Mejju li għadda.

     

    ***

     

    L-ISTORJA

    Ħabib tiegħi (għalliem ta’ esperjenza, daqt jirtira) qalli: Kemm qed isir kjass dwar sillabi tal-iskejjel! Li mhux qed isir kjass biżżejjed hu dwar il-kapital kulturali li qed niddotaw bih lill-istudenti tagħna.

    Qalli: Ħu pereżempju l-istorja ta’ Malta. Jagħmel sens li l-istudenti jitgħallmu ftit dwarha fis-sekondarja ħalli jkunu jafu kif inħmiet is-soċjetà tagħna tal-lum, li hi tagħhom?  Dażgur li jagħmel. Imma se ssib li studenti qed joħorġu mill-iskola jew ma jafu xejn dwar hekk jew b’konfużjoni sħiħa dwar x’ġara f’pajjiżna, mhux fi żmien l-Għarab jew l-Ingliżi, ta’, imma anke fl-aħħar ħamsin sena!

    Ħallejtu jgħid. Ħlief għal ponn dilettanti, il-Maltin jaħsbu li l-istorja tal-istess pajjiżhom aħjar titħalla għad-dilettanti.

     

    ***

     

    QNIEPEN TA’ SANTA LIENA

    Dis-sena fil-festa ta’ Santa Liena f’Bkara, li ilha li ħadet il-fasla ta’ festa mill-kbar, innotajt ħaġa li fis-snin ta’ qabel qabżitli: id-daqq tal-qniepen. Fis-snin l-oħra kont nisimgħu bla ma nagħti wisq kasu, bħala akkumpanjament għaċ-ċaqliq li jkun għaddej fit-toroq u l-pjazzez tal-post. 

    Il-qniepen għadhom jipprovdu dan l-isfond. 

    Biss jekk toqgħod attent għalihom, jiġu waqtiet meta jkunu qed jipprovdu kunċert separat. 

    Hekk ġara fis-siegħa ta’ qabel is-sebgħa ta’ filgħaxija nhar il-festa. Biex tinduna bil-kunċert, ridt tisma’ dak li kienu qed idoqqu l-qniepen mill-bogħod, mhux minn taħthom, mhux mill-ħamba ta’ xi folla. 

    Kien kunċert mill-isbaħ. Stagħġibt kif din kienet l-ewwel sena li tassew indunajt bih. Fakkarni fin-ninni nanna tradizzjonali Ingliża “The Bells of St Clements”. Forsi qed inħabbat fuq bieb li hu diġà miftuħ... imma tkun ħaġa tajba jekk il-qniepen fil-knejjes ta’ Malta jingħataw “leħen” akbar, bla ma jitħallew iġenġlu l-udit taċ-ċittadini li joqgħodu qribhom, m’hemmx għalfejn ngħidu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook