Bank tad-Demm ġdid

  • Aww 21, 2019 07:59
  • Miktub minn Chris Fearne

    Bdejna l-proċess biex il-faċilitajiet tas-servizzi mediċi bħalma huma l-Isptarijiet, iċ-Ċentri tas-Saħħa u l-Bereġ fil-Komunità ikunu kumplimentati minn faċilitajiet ġodda fejn jirrigwarda l-Bank tad-Demm. Mhux sempliċiment biex nikkumplimentaw il-binjiet infushom b’faċilità state-of-the-art imma wkoll biex il-faċilità tkun ta’ appoġġ għall-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li jkunu jistgħu jgħinu f-iżvilupp ta’ servizzi terapewtiċi ġodda għal pajjiżna.

    Meta ngħid bdejna l-proċess ifisser li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), li se tkun responsabbli mill-proġett, issottomettiet il-proposti tal-proġett lill-Awtorità tal-Ippjanar. Diġà sar ħafna xogħol qabel. Is-sit tal-proġett huwa wkoll magħżul, fil-Qasam Industrijali ta’ San Ġwann, u allura fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei u ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthomy Mamo. Proġett li huwa stmat li jkun jiswa’ €12-il miljun.

    Kif kelli l-okkażjoni ngħid lil wieħed mill-ġurnali tal-Ħadd li għadda l-faċilitajiet u s-servizzi li joffri l-Bank tad-Demm li għandna llum huma ta’ livelli tajbin ħafna, imma l-Bank tad-Demm tal-lum għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. Il-binja fejn qiegħed, fl-Isptar San Luqa, hija dik li hi u llum hija żgħira, apparti l-mod kif inhi mibnija. Huwa dmir tagħna li fejn hu possibbli nintroduċu aktar servizzi ma’ li hemm filwaqt li ntejbu dawk li għandna diġà.

    Il-Bank tad-Demm ġdid se jkun qed jinkorpora servizzi laboratorji għall-ipproċessar tad-demm, laboratorji għall-ittestjar tad-demm, laboratorji mikrobijoloġiċi u laboratorji li jikkontrollaw il-kwalità. Se jkun hemm ukoll post fejn issir il-manipulazzjoni taċ-ċelloli u tissue.

    Dawn huma servizzi ġodda li jaħsbu wkoll biex ikunu kumplimentari għas-servizzi provduti miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Fil-preżent pazjenti li jkunu jeħtieġu trapjant ta’ ċelloli u jkunu jeħtieġu trattament ta’ kimoterapija u radjoloġija qegħdin jintbagħtu barra minn Malta. B’riżultat tas-servizzi li se nkunu qegħdin nipprovdu mill-Bank tad-Demm il-ġdid dan il-bżonn mhux se jibqa’ aktar u l-pazjent se jkun qiegħed isirlu dak kollu meħtieġ fl-isptarijiet tagħna. Ċertament li dan huwa ta’ solliev kbir mhux biss għall-pazjent imma wkoll għal qrabatu li allura jkunu jistgħu joqogħdu ħdejh kontinwament.

    Apparti minn hekk, bl-introduzzjoni ta’ dawn is-servizzi qegħdin noħolqu aktar opportunitajiet ta’ speċjalizzazzjoni lill-professjonisti tagħna. Hekk għamilna f’oqsma oħra tas-saħħa u ksibna s-suċċess mixtieq. Konvint li anke f’dan il-qasam se nkunu qegħdin nagħmlu l-istess ħaġa, grazzi għar-rieda u d-determinazzjoni tal-professjonisti tagħna li jkomplu javvanzaw fil-professjoni tagħhom.

    Konvint li bil-proġett tal-Bank tad-Demm ġdid se nkunu qegħdin nistabbilixxu monument ieħor fil-qasam tas-servizz mediku b’risq il-poplu tagħna. 

    Nieħu din l-opportunità biex nappella lil kull min hu eliġibbli li jagħti d-demm biex jagħmel hekk. Għotja demm hija l-akbar rigal li wieħed jista’ jagħti mhux biss lill-qrabatu imma lil kulħadd. Huwa meta dak li jkun jiġi bżonn d-demm hu li jkun jaf kemm l-għoti tad-demm hija karità kbira.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook