Malta għall-Maltin biss

  • Aww 17, 2019 08:04
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Din hi l-għajta li reġgħet ħarġet fil-beraħ wara li qassis għadda kummenti pożittivi dwar il-grupp ta’ Lowell.  Ir-raġuni hi li l-kummenti ma kienux newtrali iżda li qiesna wasalna fi żmien li ser jisbaħ jum ġdid għal Malta għax dan il-grupp ser jikber għax hu biss hu t-tama tagħna lkoll.  

    Ir-raġuni wara dan kollu hi li f’Malta hawn ħafna barranin.  Illum din l-għajta għandha sinifikat ġdid.  Din l-għajta hi simili għal dawk li nisimgħu minn gruppi tal-lemin estrem (il-faxxiżmu modern) f’pajjiżi oħra.  

    Il-frażi li ma tafx jekk intix tgħix Malta minħabba l-ammont ta’ barranin li hawn jgħixu ilni nismagħha.  Biss min jgħidha jinsa kompletament li lanqas jekk hu tajjeb u rridu li neħilsu minnhom ma nistgħu.  Ir-raġuni hi sempliċi – ħafna minnhom ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  Sakemm nibqgħu fl-Unjoni Ewropea, irridu jew ma rridux, il-barranin mill-pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandhom dritt li jgħixu Malta bħal ma l-Maltin għandhom dritt li jmorru jgħixu ġo pajjiż fl-Unjoni Ewropea. 

    Mela, min qed jgħidilna biex inkeċċu l-barranin qed jgħidilna wkoll biex noħorġu mill-Unjoni Ewropea.  Ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra.

    Niġu issa għall-barranin li hawn.  Tajjeb u ħażin, kull ħaġa li mhux qed togħġobna f’Malta qed inwaħħlu fil-barranin.  Ha nieħdu kif splodew il-kirjiet.  Ħafna jwaħħlu fil-barranin li l-kirjiet splodew.  Jekk temmen din il-frażi tibda taħseb li l-barranin jieħdu gost li jkollhom iħallsu dawk il-flejjes kbar biex ikollhom saqaf fuq rashom.  Qiesu li dawn jieħdu ġost li jiġu sfruttati.  

    Jekk inkunu onesti naraw li huma s-sidien Maltin li għollew il-kirjiet.  Dawn raw opportunita’ biex jisfruttaw is-suq permezz ta’ dawn il-barranin.  Huma s-sidien Maltin li jiddeċiedu  kemm iqumu l-kirjiet u mhux il-barranin.  Jekk iridu, jistgħu jbaxxuhom kemm iridu.  Ma hemm xejn li jżomm lis-sidien Maltin biex iraħħsu l-kirjiet.  Lanqas hemm xejn li jżomm lil dawn is-sidien, jekk iridu, jikru l-postijiet li għandhom lill-Maltin b’kirjiet baxxi.  Hu għalhekk li ma hemmx raġuni li nwaħħlu fil-barranin minħabba l-kirjiet għoljin li qed naraw.

    Għalija l-unika raġuni għala qed inwaħħlu fil-barranin, togħġobna jew le, hi r-razzizmu.  L-ewwel problema li għandna hi li l-maġġoranza tan-nies ma jistgħux jaċċettaw li hawn ammont ta’ razziżmu f’Malta.  Din mhix xi ħaġa ġdida.  Ilha għaddejja u peress li qatt ma aċċettajnieha, qatt ma għamilna xejn dwarha.  Niftakar snin ilu, kienet ħarget riċerka mill-Universita’ li f’Malta hawn  ir-razziżmu.  Din ma ntogħġbot minn ħadd u mal-ewwel tfajniha taħt it-tapit.  

    Personalment nemmen li l-aktar poplu li aħna l-Maltin nħarsu lejh bl-ikrah u suspettuz hu l-poplu Għarbi.  Parti minnha ġejja minħabba l-istorja tagħna u dan dejjem kellu s-sostenn tiegħu mill-Knisja għalkemm ma kien hemm xejn uffiċjalment.  Il-kulur tal-ġilda hu fattur ieħor.  Dawk l-immigranti li ġew minfuq il-baħar idejqu lil  ħafna minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom barra li xorta ħafna jqisuhom li huma slavaġġ.  Issa ħalliha li ħafna minnhom għandhom ħafna ħiliet u anki kwalifiki.

    Ħaġa oħra li twassalna biex ma naċċettawx li hawn razziżmu f’Malta, bħal ma hawn fil-pajjiżi kollha, hi li nassoċjaw ir-razziżmu ma’ attentat biex neqirdu u noqtlu lil dawn il-barranin.  Hemm ħafna gradi ta’ razziżmu.  Il-bażi ta’ kull razziżmu hi li ma naċċettawx lil nies barranin li huma bnedmin bħalna – li n-nies kollha tad-dinja huma ta’ razza waħda – dik umana.  

    Hemm differenzi fil-kulturi, fil-lingwi, fl-użanzi u fit-twemmin tagħna.  Biss aħna razza waħda.  Kulħadd jitwieled u jmut, kulħadd jiekol  l-istess, kulħadd iweġġa’, kulħadd jimrad, kull bniedem għandu l-emozzjonijiet, l-ideali u l-aspirazzjonijiet tiegħu.  Bħal ma għandu kull bniedem differenti f’kull poplu.  Li kieku nemfażizzaw dawn id-differenzi lanqas naċċettaw li l-Maltin huma poplu.  Suppost li f’poplu l-aktar ħaġa li tispikka hi l-lingwa unika ta’ poplu.  Biss lanqas hawn ma aħna uniti.  Jekk tmur in-naħa ta’ Tas-Sliema taħseb li qed ġo l-Ingilterra għax ftit tisma’ Maltin jitkellmu bil-Malti, jekk tmur f’postijiet oħra tisma’ l-Maltin jitkellmu nofs  sentenza bil-Malti u n-nofs l-ieħor bl-Ingliż.   Jekk tmur f’ċerta rħula tismagħhom jitkellmu bl-aċċent tagħhom.  Minkejja dawn id-differenzi, ma jfissirx li m’aħniex poplu wieħed.  

    Hu għalhekk li ma nistax nifhem kif ma napplikawx l-istess prinċipju ma’ popli oħra u nqisuhom li huma parti mir-razza tagħna – dik umana.  

    Ir-razziżmu ġej mill-fatt li għalina dawn huma nies ġodda, ma nafuhomx.  Għal ħafna, xi ħaġa li ma jafux dwarha hi perikoluża u allura jibżgħu minnha u jriduha ‘l bogħod minnhom.  Fuq kollox nibżgħu li ser nitilfu dak li hu tagħna – il-kultura u t-twemmin tagħna.  Fil-fatt ir-razziżmu juri li hawn nies li jħossu li l-kultura ta’ nies oħra hi aktar b’saħħitha minn tagħhom.  

    Ma nirrealizzawx li qed noħolqu l-firda u li qed nammettu li l-kultura tagħna hi waħda dgħajfa li faċilment tinbidel mill-barranin.  Personalment nemmen il-kuntrarju.   Nemmen li għandna kultura b’saħħitha biżżejjed biex il-barranin li hawn jadottawha għaliex tgħodd ħafna għal pajjiż żgħir bħal Malta.  Biss din trid tiġi minna.  Jekk ma nintegrawx lil dawn il-barranin mhux talli qed inbegħduhom milli jaċettaw il-kultura tagħna, iżda noħolqu ghettos bħal ma diġa’ ħloqna.

    Biss nerġa’ lura għall- kummenti ta’ dak il-qassis.  Bqajt skantat u mhux, bil-kummenti.  Skantat għax ġejjin minn qassis tar-reliġjon Kattolka.  Ma qbajtx skantat għax naf li hemm ħafna qassisin li jemmnu bħalu.

    Skantajt għaliex safejn naf jien hu prinċipju importanti ta’din ir-reliġjon li kull bniedem hu l-istess quddiem Alla.  Safejn niftakar Alla ma ħalaqx lid-dinja għal xi razza partikolari ħlief dik umana.  Hu n-nazzjonaliżmu estrem li ħoloq il-fruntieri biex poplu jkun b’saħħtu aktar mill-oħrajn ta’ madwaru u jikkmanda hu.  

    Qbajt skantat għaliex safejn naf jien il-qassisin u l-patrijiet huma fid-dmir li jippruvaw jikkonvertu lin-nies ta’ reliġjon differenti għal dik Kattolika.  Għalhekk ħolqu l-Missjoni.  Issa għandhom opportunita’ li dawn in-nies ġew wara biebhom u hu aktar faċli li tikkonvertihom.  Biss għal xi raġuni, hemm ħafna li mhux talli mhux qed jaraw din bħala opportunita’ iżda qed jarawha bħala theddida.  

    Ktibt li hemm qassisin oħra li jemmnu hekk.  Din narawha mir-refuġjati.  Kemm hemm qassisin li qed imorru fiċ-ċentri li għandna tar-refuġjati biex jgħinuhom u jgħallmuhom bl-eżempju r-reliġjon Kattolka?    

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook