NOSTALĠIJA

  • Lul 29, 2019 12:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    NOSTALĠIJA

    Tqanqalt dan l-aħħar nara viżwal qasir fil-verżjoni internet ta’ gazzetta lokali, li wera Tas-Sliema f’nofs is-snin ħamsin. Hu ambjent li sparixxa għal kollox. Biss, indunajt kif għadni niftakru f’dettall kbir mis-snin ta’ tfuliti.

    Ix-Xatt b’fuq naħa it-tinda kbira fejn jinġabru l-karozzini biż-żwiemel, fuq l-oħra, it-tinda fejn tittrakka l-lanċa ta’ Marsamxett. Triq it-Torri fejn il-karrozzi jidhru mitlufa fl-ispazji vojta tat-triq. Imbagħad l-esplanade li tibda mix-Chalet, binja mitluqa għal ġol-baħar li kienet tintuża bħala post ta' divertiment – illum imneħħija għal kollox. U l-mixja sal-Exiles, u l-Balluta, b’San Ġiljan fuq in-naħa l-oħra tal-bajja, għerja mill-bini mostruż li rvinaha matul id-deċennji.

    M’hemmx mod ieħor kif tfisser dak li ħassejt – nostalġija kbira. Mhux biss għax bħal Marcel Proust, tlaqt infittex żmien li għadda u telaq, imma wkoll għax Tas-Sliema u ta’ madwarha kienu f’qagħda ħafna aħjar fis-snin ħamsin milli jinsabu fiha llum. 

    BLA FEJN JOQOGĦDU

    Frankament ma nistax nifhem il-loġika soċjali (umanitarja) ta’ dak li jsir meta skwadra tal-pulizija tidħol f’binjiet fejn iva, immigranti irregolari – tal-lewn iswed, aħjar ngħidu l-affarijiet kif inhuma – jgħixu f’kondizzjonijiet primittivi bħal tal-bhejjem... żwiemel..., jew agħar, u jkeċċuhom minn hemm. 

    Dawn l-istess nies bħalna: issa li tkeċċew, fejn se jmorru? Hi l-aqwa miżura li ma tħallihomx jgħixu f’kondizzjonjiet skwallidi u inumani... sakemm tipprovdi alternattiva. Li mhux qed isir.

    Il-loġika tal-vittmi hi ħafna aktar ċara. Agħtuna nifs: jekk ma tistgħux jew ma tridux tipprovdulna post xieraq fejn ngħixu bi ħlas li nifilħu għalih, ħalluna talanqas ngħixu f’dal-maqjel. B’hekk inkunu nistgħu nibqgħu insostnu bix-xogħol tagħna l-ekonomija tagħkom li qed tiffjorixxi!

     

    MAĠĠORANZA KWALIFIKATA

    Fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea (il-qadima u l-ġdida), kif ukoll fil-Parlament Ewropew, żdied id-diskors favur il-ħtieġa li miżuri f’oqsma Ewropej ewlenin jibdew jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata: jiġifieri mhux b’unanimità imma b’maġġoranza ta’ “żewġ terzi” jew aktar. Jekk ma jsirx hekk, jintqal, deċiżjonijiet fuq materji kruċjali se jibqgħu paralizzati.

    Għal pajjiż bħal Malta, dil-ħaġa tinstema attrajenti meta titqajjem għal suġġetti bħall-immigrazzjoni. Riforma tal-ftehim ta’ Dublin dwar kif u fejn jinżammu l-immigranti li jaslu fl-Ewropa hi meħtieġa favur il-pajjiżi tal-“fruntiera”. Dawn qed ikollhom iżommu għandhom l-immigranti li jaslu. M’hemmx unanimità fuq il-bidla meħtieġa li baqgħet ma saritx. B’maġġoranza kwalifikata tiddaħħal.

    Imma kemm jaqblilna li l-istess proċedura ta’ maġġoranza kwalifikata tidħol dwar politika ta’ tassazzjoni? Jew dwar il-politika barranija? Jew dwar id-difiża?

    Fuq kollox, hemm periklu ċar li b’dil-proċedura jitqawwew mhux jonqsu l-firdiet li kibru b’mod sotterran bejn reġjuni u pajjiżi differenti tal-Unjoni.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook