Il-kwalita’ tal-ħajja
Dan l-aħħar rajt artiklu li jgħid li mhux vera kien hawn titjib fil-kwalita’ tal-ħajja. Kull ma ser nagħmel hu li ngħaddi kumment qasir permezz ta’ żewġ eżempji żgħar. Biss tajjeb li ngħid li l-ewwel pass biex titjieb il-kwalita’ tal-ħajja irid ikun li nassiguraw affarijiet bażiċi. Żewġ affarijiet bażiċi li jolqtu lil kulħadd huma l-pagi u l-enerġija – żewġ affarijiet li żgur konna mċaħħdin minnhom qabel l-2013.
L-ewwel hu dwar il-prekarjat. Ma naħsibx li hawn xi ħadd li jemmen li l-prekarjat hu xi ħaġa li ttejjeb il-kwalita’ tal-ħajja għalkemm min jimpjega jaqbillu għax iħallas pagi baxxi. Jekk tikkompara dan il-Gvern mal-Gvern ta’ qabel 2013 issib li tal-aħħar kien jinkoraġġixxi l-prekarjat għax mhux talli m’għamel xejn biex jonqos il-prekarjat iżda kien jinkoraġġih billi minflok jimpjega ħaddiema miegħu kien qed iqabbad kumpaniji privati biex jagħtu dan is-servizz huma. Fl-istess ħin ma għamel xejn biex irażżan l-abbużi f’dan il-qasam. Ir-riżultat kien li fl-istess Departiment jew awtorita’ kont issib żewġ ħaddiema qed jagħmlu l-istess xogħol, biss wieħed jew waħda minnhom kienet titħallas ferm anqas għax kienet impjegata ma’ kumpanija privata.
It-tieni eżempju hu dwar jekk il-ħajja titjiebx jekk filli affarijiet bażiċi tal-ħajja ta’ kuljum kont trid taħsibha sew jekk tużahomx u wara jiġi żmien fejn dawn tużahom mingħajr ma toqgħod taħsibha. Qabel 2013, meta tqum, kont taħsiba sew jekk tixgħelx id-dawl minħabba l-prezzijiet esaġerati tal-elettriku li kien hawn. Illum anki l-air conditioner tuża mingħajr ħafna ħsieb.
Sewwa jgħid il-Malti li l-akbar trux hu dak li ma jridx jisma’. F’dan il-każ, l-akbar għami hu dak li ma jridx jara għax jekk jara ser jara l-falliment ta’ sħabu.
L-Air Malta
It-twaqqif tal-Air Malta kien pass kuraġġuż u minkejja id-diffikultajiet kbar li ffaċċjat dejjem ippruvat tagħti servizz tajjeb. Waħda mill-affarijiet li dejjem serħitli moħħi meta użajt l-AirMalta kien is-serħan tal-moħħ li t-titjira ser issir. Dan hu vantaġġ kbir meta tqis l-ammont kbir tat-titjiriet li jiġu mħassra minn kumpaniji ‘low cost’ ma hux wieħed żgħir jew prevedibbli.
Tajjeb li ngħidu li jekk wieħed jikkalkula l-ispejjeż kollha (ħafna minnhom moħbijin) ta’ dawn is-suppost ‘low cost’ airlines issib li l-ispiża hi ‘l bogħod mil-‘low cost’. Għall-aħħar żviluppi f’dan il-qasam ara l-artiklu http://camalta.org.mt/youre-booking-flight-read/. Dan mhux qed nikkalkolaw it-tensjoni li jgħaddu minnha l-passiġġieri jekk it-titjira tiġix imħassra għax ikun hemm ftit passiġġieri.
Bħal ma ktibt, is-serħan tal-moħħ hu vantaġġ kbir. Sfortunatament, illum dan il-vantaġġ tal-AirMalta qed jiġi mhedded bl-azzjonijiet industrijali tal-piloti. Mhux ser nidħol fil-mertu kemm għandhom raġun għalkemm ngħid li hawn nies li lanqas f’ħajjithom kollha ma jirnexxilhom idaħħlu l-ammont ta’ €700,000 mix-xogħol, aħseb u ara tieħu dan l-ammont biex tirtira.
Din hi xi ħaġa li l-unjins iridu joqogħdu attenti għaliha. Meta int tkun ser tieħu azzjoni industrijali, l-ewwel ħaġa li jridu jaraw hu l-impatt fuq il-klijenti. Ir-raġuni hi li l-klijenti u l-konsumaturi ma jkollhom x’jaqsmu xejn mal-kwistjoni. Għalhekk, l-impatt irid ikun ikkalkolat. Jekk il-ħaddiema għandhom kwistjoni mal-management, iridu jaraw li l-impatt ikun fuq il-management u mhux fuq terzi. Dan jgħodd għal ħafna oqsma speċjalment meta jkunu mdaħħlin il-professjonisti. Għalija l-etika li suppost ikollu professjonist għandha twasslu biex jara li l-klijent jiġi l-ewwel. Għalhekk ma naqbilx lanqas meta xi għalliema kienu qed jheddu li ma jikkoreġux il-karti tal-eżamijiet. L-impatt kien ser ikun fuq l-istudent u mhux fuq min qed imexxi.
Biss inkomplu fuq l-AirMalta. Dan l-aħħar kienet ukoll imdaħħla f’żewġ inċidenti li prattikament ma kellha x’taqsam xejn magħhom. Dawn kienu meta kien hemm grupp ta’ tfal li nqabdu d-Danimarka u meta titjiriet oħra organizzati minn ħaddieħor tħassru u numru kbir ta’ tfal sabu li l-vjaġġi li kellhom taru mar-riħ.
Kien pass importanti li l-AirMalta bl-isforz li għamlet ġabet lil dawk it-tfal lura. Dan minkejja li ma kellha l-ebda obbligu li tagħmel dan. Għalija kienet stramba li xi nies assumew li kien id-dmir tal-AirMalta li tagħmel dan. Wieħed irid jiftakar li l-AirMalta hi kumpanija privata u spiċċa ż-żmien li l-gvern jidħol hu jekk isibu diffikultajiet. Fil-fatt niftakar meta qabel ma ġew miftehma l-aħħar ftehim kollettivi mal-ħaddiema kienet saret pressjoni fuq ċerti organizzazzjonijiet Maltin mill-KE biex jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Malti ixolji l-AirMalta meta mhux qed taqla’ l-flus.
It-tieni każ kien aktar stramb għaliex dawn in-nies reġgħu ppretendew li l-AirMalta għandha tħassar titjiriet regolari tagħha biex taqdi klijenti ta’ ħaddieħor. Fil-fatt kien hemm min ipprova jwaħħal fl-AirMalta għaliex jidher li kien hemm ħaddiem tal-AirMalta responsabbli għat-titjiriet li ma sarux. L-AirMalta, bħal-linji tal-ajru l-oħra li joperaw minn Malta, ma kellha l-ebda responsabbilta’ għal tħassir tat-titjiriet.
Nemmen li mit-tieni każ għandna nitgħallmu li jekk il-prezz ikun baxx, ir-riskju hu akbar. Nispera li l-organizzaturi kienu raw li dawn it-tfal kellhom insurance biex dawk il-flejjes li ħarġu l-ġenituri jiġu ssalvagwardjati.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.