KONFLITTI TA’ INTERESS... IL-FUTUR TAL-EWROPA... ĊERF ABJAD

  • Lul 26, 2019 10:08
  • Miktub minn Alfred Sant

    KONFLITTI TA’ INTERESS

    Fil-proġett li l-kumpanija tad-db trid ittella’ f’Paceville, qam fil-qrati u ġie aċċettat l-argument ta’ kunflitt ta’ interess għal membru tal-bord, fid-deċiżjoni li kellha tittieħed mill-awtoritajiet tal-ippjanar. Il-qorti għarfet l-eżistenza ta’ kunflitt u ħadet deċiżjoni radikali biex tikkompensa għalih. Sew għamlet.

    Imma... u dan hu imma kbir... jeħtieġ li l-kwistjoni kollha tal-konflitti ta’ interess li dal-pajjiż hu mdewwed bihom tiġi miflija bl-istess mod radikali. 

    Fl-oqsma kollha... mill-ġudizzjarju għall-ekonomiku u soċjali, għall-politiku u kulturali... il-konflitti ta’ interess ma jaqtgħux. F’parti kbira minn dak li jiġri, iċ-ċokon tal-gżira tagħna jaħti biex jikkonċentra l-konflitti ta’ interess. Familji, relazzjonijiet personali, ir-rabtiet ta’ “ħokkli dahrek u nħokklok tiegħek”, fost oħrajn, iżidu t-taħlita fil-borma.

    Aktar minn ħafna diskussjonijiet fl-ajru dwar kostituzzjoni jew ma nafx xhiex, forsi l-akbar urġenza hi ta’ diskussjoni onesta fuq il-konflitti ta’ interess li jseħħu madwarna l-ħin kollu mingħajr ma nindunaw... jew nippretendu li m’aħniex nindunaw.

    IL-FUTUR TAL-EWROPA

    Jekk fhimt tajjeb, waħda mill-wegħdiet li qed tagħmel il-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida von der Leyen hi li tinżamm konferenza wiesgħa fuq tul ta’ żmien biex tipproponi miżuri dwar il-futur tal-Ewropa. 

    Ilsna ħżiena fi Brussell jgħidu li din hi biss skuża biex isibu kariga għal Guy Verhofstadt, eks-Prim Ministru Belġjan u eks-mexxej tal-grupp liberali fil-Parlament Ewropew. L-ewwel darba li tisimgħu jitkellem, Verhofstadt jimpressjonak. Fid-drabi ta’ wara, idejqek bl-attitudni tiegħu li jrid jagħti lezzjoni lil kulħadd.

    Jien kont membru ta’ Konvenzjoni Ewropea xi ħmistax-il sena ilu. Kienet maħsuba biex tikteb “kostituzzjoni” għall-Ewropa. Spiċċat fjask. Forsi l-istorja se tirrepeti ruħha?

    ĊERF ABJAD

    Ir-rumanz ta’ Ċen Ġongxi, “Fil-Pajjiż taċ-Ċerf l-Abjad”, fit-traduzzjoni li qrajt jien, hu itwal minn 1,100 paġna. Ħadli ġimgħat twal biex nispiċċah. Ma jiddispjaċinix dwar hekk għax hu tassew kitba fertili fl-immaġinazzjoni u konkreta fil-mod kif tiżviluppa rakkont epiku dwar il-bidliet li jseħħu matul xi ħamsin sena fir-reġjun Ċiniż taċ-Ċerf l-Abjad.

    Ċen Ġongxi, kittieb prolifiku, ftit magħruf fil-“Punent”, kiseb suċċess tassew kbir f’pajjiżu b’dar-rumanz li jsegwi l-ġrajjiet f’żona li tgħix bil-ħidma ta’ bdiewa marbuta mat-tradizzjonijiet Ċiniżi ta’ dejjem. Sadattant, qed jikkollassa l-poter tal-imperaturi “qodma” u qed jibdew jasserixxu rwieħhom forzi ġodda, bħal dawk tal-partit nazzjonalista tal-Kuomintang u dak tal-Partit Kommunist. Fin-nofs, jagħqdu dejjem il-familji tan-nies “komuni”, fil-każ ta’ dar-rumanz, il-bdiewa tal-pajjiż taċ-ċerf.

    Ġongxi jikteb tajjeb ħafna, ifakkrek f’Tolstoj, anke jekk xi drabi wkoll hemm elementi tat-telenovela f’kitbietu. Forsi wara kollox, issib l-istess ħaġa f’Tolstoj ukoll.  

     

    25 ta’ Lulju 2019

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0