NIRIEN
F’diversi mkejjen tal-Ewropa, Malta inkluża, qamu nirien das-sajf fil-kampanja li ħolqu qerda sħiħa u kkawżaw periklu għall-persuni. Anke jekk fil-Miżieb, il-ħsara kienet estensiva, hemm u f'inħawi oħra fejn inqalgħet il-problema, l-iskwadri tat-tifi tan-nar laqgħu tajjeb għall-isfida.
Bqajt impressjonat favorevolment, għax kont nistenna li n-nirien fil-kampanja kienu xi ħaġa relattivament ġdida hawn. It-taħriġ u l-esperjenza tal-iskwadri kienet aktar ta’ nirien f’ċentri urbani. Fil-fatt, id-diffikultajiet li nqalgħu kienu l-aktar għax ma jeżistux biżżejjed faċilitajiet għal ġlieda sostnuta kontra n-nirien f’inħawi mbiegħda tal-kampanja.
L-istess diffikultà qamet f’pajjiżi oħra. Trid tinstab soluzzjoni għaliha, hekk qed jintqal. Hux minħabba fil-bidla tal-klima jew le, l-istennija qed tkun li fis-sjuf tas-snin li ġejjin, se jibqgħu jiżdiedu n-nirien fil-beraħ tal-kampanji.
AWTORITÀ TAL-KONSUMATUR
Ma nistax nifhem kif kwistjoni importanti bħal dik dwar kif se jitwettqu deċiżjonijiet dwar il-konsumaturi meħuda mir-regolatur, u dwar x’poteri għandu dan tal-aħħar biex jiddeċiedi dwar “kastigi” u multi, baqgħet pendenti għal daqstant żmien.
Dak li jgħodd jew ma jgħoddx għall-awtorità li tirregola d-drittijiet tal-konsumaturi fis-suq, nimmaġina japplika wkoll għal regolaturi oħra.
Ċertament m’aħniex l-ewwel pajjiż li beda jħaddem sistemi ta’ awtoritajiet regolaturi, u anqas u anqas l-ewwel wieħed li kellu jaffaċċja l-mistoqsija ta’ kif il-poteri regolatorji għandhom jitħaddmu legalment fid-dell tal-qrati.
Possibbli ma jinstabx mod kif is-soluzzjonijiet li tħaddmu f’imkejjen oħra, b’xi mod jiġu addattati għal pajjiżna?
Żgur li mhix ħaġa sew li dil-materja tħalliet tperper għal daqstant żmien.
VOT FUQ PRESIDENT
Id-deputati Ewropej kellhom bil-kbir għax jivvotaw kontra l-ħatra ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea -- talanqas dawk fosthom li jemmnu li għandha titħaddem is-sistema ta’ spitzenkandidat biex jinħatar il-President. Oħrajn bħali mix-xellug, li ma jemmnux f’dis-sistema, xorta kellhom għax jivvotaw kontra peress li issa, ilhom żmien sew l-aqwa ħatriet tal-Unjoni jmorru għand il-lemin jew ċentru lemin.
Il-vot favur von der Leyen għadda bi żbrixx imma għadda. Kieku m’għaddiex kienet tqum “kriżi” -- fis-sens li l-kapijiet tal-istat u tal-gvernijiet Ewropej ikollhom jerġgħu jiltaqgħu fit-tul biex jaraw x’se jagħmlu. Ma kinitx se taqa’ d-dinja imma ħafna xejn ma għoġobhom ix-xenarju ta’ “kriżi” fi żmien meta l-problema tal-Brexit għadha titqagħweġ fuq il-mejda.
Nemmen li kien minħabba f’hekk l-aktar li l-vot kien favur, u mhux għax fl-aħħar ġranet von der Leyen bdiet twiegħed kollox lil kuħadd. Minkejja l-ħafna inbieħ li l-Parlament Ewropew jagħmel, meta jkollu r-raġun u d-dritt, u jkun il-waqt għax ikunu qamu kontroversji “kbar”, fir-realtà joqgħod lura milli jigdem.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.