ŻEWĠ NAĦAT

  • Lul 08, 2019 14:25
  • Miktub minn Alfred Sant

    Mhux l-ewwel darba nnutajtha: kif miż-żewġ naħat tad-dibattitu dwar l-abort, dawk favur jemmnu li qed jiddefendu l-aqwa drittijiet tal-bniedem, u l-istess dawk kontra. Dil-ħaġa tiġri mhux f’Malta biss imma kull fejn tqum il-kontroversja dwar is-suġġett fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.

    Ta’ favur l-abort jinsistu li kull persuna għandha d-dritt tikkontrolla dak li ġġarrab f’ġisimha u ma jifhmux kif l-istat bil-liġijiet tiegħu jista’ jimpedi lil mara li għadha kemm inqabdet tqila li ma tiddeċidix hi x’se jiġri f’ġisimha. 

    Ta’ kontra, jpoġġu fuq quddiem nett il-valur tal-ħajja tal-bniedem taħt liema forma tkun, bħala l-aqwa valur -- ħaġa li tapplika għal kull bniedem fi kwalunkwe ċirkostanza. Jekk tnaqqar f’dal-valur, isostnu, tkun qed teqred il-pedamenti tad-drittijiet tal-bniedem.

    Tant jitpoġġew b’mod assolut dawn il-pożizzjonijiet li wieħed ma jistagħġibx kif iwasslu għal estremiżmi serji fl-imġiba politika u kulturali taċ-ċittadini -- imġiba li ta’ sikwit tissarraf fi vjolenza fizika u morali. Ma jidhirx li fil-qrib, hemm xi kompromess li ż-żewġ naħat jistgħu jaċċettaw.

    BUĠIBBA

    Qatt ma stajt nifhem għaliex għal darba wara l-oħra, Buġibba titħalla fi stat daqstant miżerabbli ta’ żdingar u nuqqas ta’ kura. Veru, matul is-snin kienet il-mekka ta’ turiżmu tal-massa, forsi bogħod xi ftit minn dak it-turiżmu ta’ kwalità għolja li ħafna jaspiraw għalih.

    Imma ta’ massa jew le, baqa’ turiżmu meħtieġ li jrendi. Minnu nnifsu, hu veru wkoll li jikkawża bżonnijiet akbar ta’ manutenzjoni, tiġdid fl-infrastruttura u tindif. Għalhekk wieħed jifhem anqas għaliex effettivament minflok nilqgħu għal dawn il-bżonnijiet, f’Buġibba aktar ninjorawhom. 

    Hi u l-inħawi ta’ madwar għad għandhom siwi. L-awtoritajiet messhom bi pjan, jieħdu ħsiebhom ħafna aktar milli għamlu sa issa.

    KUNTRADIZZJONIJIET

    Kemm ilu li spiċċa l-Kunsill Ewropew li fih ġew deċiżi min se jkollu liema kariga fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea smajt ħafna kuntradizzjonijiet jintqalu, mhux l-anqas fil-Parlament Ewropew.

    Pereżempju, li meta fid-deċiżjonijiet tiegħu l-Kunsill Ewropew ma rrispettax is-sistema tal-ispitzenkandidat preferita mill-Parlament Ewropew, id-demokrazija qalgħet daqqa, għax il-Parlament Ewropew hu l-istituzzjoni demokratika tal-Unjoni. Imma l-kapijiet tal-istat u tal-gvern fl-Unjoni huma kollha maħtura wara elezzjoni demokratika. Jirrappreżentaw lid-demokrazija ta’ pajjiżhom, u huma eletti b’mod demokratiku daqs -- forsi aktar -- mid-deputati Ewropej.

    Jew pereżempju, l-ilment dwar kif id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill saru minn ponn nies wara bibien magħluqa. Imma jkollok tgħid kif fil-Parlament innifsu jittieħdu ħafna deċiżjonijiet kruċjali hekk, kif ġara wkoll f’din l-aħħar ġimgħa. Hemm min jisħaq li ftit jista’ jsir mod ieħor jekk għaqda kumplessa se titwassal lejn xi deċiżjonijiet sensibbli.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0