Il-ġid pubbliku

  • Lul 01, 2019 10:06
  • Miktub minn Alfred Sant

    Fi żmien meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb ħafna, kif hu l-każ f’Malta bħalissa, li wieħed jinkwieta dwar il-ħarsien tal-ġid publiku tista’ tidher xi ħaġa żejda. Personalment ma naraha żejda xejn. Anzi x’aktarx li ssir aktar meħtieġa għax fir-rankatura mogħtija mis-“surplus” ta’ fondi, tista’ ssir nefqa esaġerata li tissarraf f’piż mhux sostenibbli meta l-affarijiet jinbidlu u l-ekonomija tnaqqas.

    Tkun xi tkun iċ-ċirkostanza, jibqa’ l-obbligu biex il-ġid publiku jitħaddem bl-akbar prudenza. Hu għalhekk li r-rapporti tal-awdituri f’dal-qasam huma tal-akbar ħtieġa, anke jekk iservu biex iqanqlu kontroversji politiċi.

    Fil-verità hu f’dal-qasam li dawn il-kontroversji jiksbu l-aqwa siwi. X’hemm aħjar milli n-nies politiċi jillitikaw bejniethom fuq min qed ikun l-aktar għaqli u prudenti fil-mod kif jonfoq mill-ġid publiku?

    Hu imperattiv li l-uffiċċju tal-awditur ġenerali jingħata aktar saħħa u fondi biex jaħdem. Bil-kondizzjoni li hu wkoll ikun soġġett għal evalwazzjoni regolari u indipendenti ta’ dak li qed iwettaq.

    ***

    SOĊJALIŻMU EWROPEW

    F’dawn il-ftit ġimgħat tal-bidu ta’ mandat ġdid għall-Parlament Ewropew stajt nifhem għaliex is-soċjaliżmu baqa’ jbatti fl-Ewropa. Kien hemm ir-reazzjoni tal-parlamentari soċjalisti għar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej: tant ferħu li r-riżultati ma kinux koroh daqs kemm stennejna, għalkemm xorta komplew imajnaw, li donnhom rebħu. Fakkruni fl-imġiba tas-segretarju ġenerali attwali tal-PN fl-istess żmien.

    Imbagħad, smajt stqarrijiet dwar x’għandha tkun il-politika soċjalista għall-Ewropa. Fuq quddiem nett fihom issib: priorità soċjali-ekoloġika; difiża tal-klima;  ġustizzja fil-qasam tat-taxxi; ugwaljanza tas-sessi; Ewropa aktar magħquda...

    Huma għanijiet xierqa u importanti li għandhom ikunu parti mill-programmi soċjalisti ta’ ħidma. Imma huma wkoll parti integrali ta’ x’qed jipproponu partiti oħra, bħall-Ħodor, il-Liberali u anke l-Popolari. F’dak li jipproponu s-soċjalisti donnu m’hemm xejn li hu tagħhom biss u li jagħmilhom soċjalisti.

    Dan hu żball madornali. Il-partiti soċjalisti kienu u messu għadhom qabel kollox, il-partiti tal-ħaddiema, għalkemm mhux biss. U jintgħarfu minn hekk.

    ***

    TAL-POLLAKKI

    Ma rnexxilix nifhem il-ferħ tal-iskwadri lokali ta’ kontra l-gvern meta l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha dwar il-ġudikatura fil-Polonja. Donnhom qiesu li d-deċiżjoni u l-ispirtu li nebbaħha kellhom xi rabta ma’ ġrajjiet f’Malta li għandhom x’jaqsmu mas-saltna tad-dritt.

    Il-QEĠ iddeċidiet primarjament li l-liġi Pollakka li naqqset l-età li fiha l-imħallfin (preżenti u futuri) ikollhom jirtiraw iddgħajjef l-indipendenza tal-ġudikatura u mhijiex kompatibbli mal-prinċipji legali tal-UE.

    Kulħadd jammetti li s-sistema legali f’Malta għandha fhiex tiġi mtejba. Imma l-arranġamenti li għandna llum bl-ebda mod ma nbidlu minn kif kienu qabel Malta daħlet fl-UE, meta ġew miflija qabel issieħbet u allura nstabu totalment aċċettabbli.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook