Bidliet Kostituzzjonali

  • Ġun 27, 2019 08:36
  • Miktub minn Alfred Sant

    Jidher li jinsabu għaddejja f’xi forma jew oħra, diskussjonijiet dwar bidliet li ilhom jissemmew li huma meħtieġa fil-Kostituzzjoni. Personalment għadni dubjuż dwar kemm huma tassew meħtieġa l-bidliet għax nemmen li l-problemi jinsabu fil-mod kif il-Kostituzzjoni tħaddmet matul id-deċennji.

    Imma la rjus kbar qed jgħidu li neħtieġu dawn il-bidliet, tajjeb naraw x’jistgħu jkunu u niddiskutuhom.

    Biss nittama li l-proċess li bih dan isir, jibqa’ sal-aħħar trasparenti u  jinżamm fil-miftuħ. M’għandux jiġri, kif ġieli ġara fl-imgħoddi, li d-diskussjonijiet isiru bi proċeduri okkulti skont tattika partiġġjana jew personali.

    Nittama wkoll, li ma jsirx sforz żejjed biex nuru lil min tana “pariri” minn barra, kemm aħna rikonoxxenti lejh, billi ndaħħlu kull bidla li pproponielna mingħajr ma nqisu sew kemm dak li qal, filfatt jagħmel sens.

    ***

    FL-AGĦAR DAWL 

    Bħalissa, l-Unjoni Ewropea qed tidher fl-agħar dawl tagħha. Il-mexxejja Ewropej qed iħaqquha bejniethom dwar min se jpoġġu fl-ogħla karigi ta’ tmexxija. Id-diskors ma jidhirx li hu dwar x’għandha tkun il-politika Ewropea għall-futur, imma dwar min imissu jieħu post min.

    L-aqwa karigi f’dan l-irkant huma dawk tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tal-President tal-Kunsill Ewropew, tal-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-affarijiet barranin u tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew. Wieħed jittama li t-trattattivi jintemmu bl-akbar ħeffa għax jagħtu l-impressjoni li l-akbar interess fl-Ewropa huma l-karigi għolja.

    Sadattant, ħaġa kurjuża oħra hi kif se jintemmu l-manuvri għall-ħatra ta’ President tal-Parlament Ewropew.

    *** 

    TAL-BIDU

    L-idea ta’ istituzzjoni li taħseb biex tagħti għajnuna lil azjendi żgħar li jkunu se jitilqu b’negozju ġdid, l-hekk imsejħa “start-ups”, hi waħda eċċellenti. Jekk fhimt tajjeb, qed titwaqqaf fondazzjoni imnebbħa mill-gvern, li tikkonċentra fuq kif tagħti imbuttaturi f’waqthom lil min ikun dieħel fis-suq b’xi idea ġdida għal prodott u servizz.

     L-imbuttaturi jistgħu jieħdu l-forma ta’ pariri siewja dwar kif jiġi mmuntat pakkett finanzjaru effettiv, provista ta’spazju minn fejn tista’ taħdem impriża li qed titwieled, ftuħ ta’ kuntatti utli u oħrajn.

    Il-kultura imprenditorjali kibret sew f’pajjiżna mis-snin meta jien kont attiv fil-Korporazzjonii Maltija tal-Iżvilupp (illum Malta Enterprise). Imma għad baqagħlha x’tissaħħaħ. Minn naħa għad hemm tendenza kbira żżejjed biex tittieħed it-triq l-aktar ħafifa ħalli kwalunkwe profitti li jistgħu jinqalgħu, isiru u jittieħdu malajr kemm jista’ jkun. Mill-oħra, m’hemmx għarfien biżżejjed ta’ kif u kemm imprenditur ġdid ikollu bżonn tan-nifs ħalli jwassal il-proġett tiegħu biex irabbi l-għerq. Donnu li din il-ħaġa aktar ġiet aċċettata fid-dinja tal-arti milli f’dik ekonomika. Dnub.

    Għalhekk l-inizjattiva ta’ fondazzjoni biex twieżen lill-i“start-ups” jixirqilha kull appoġġ.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook