PAGA MINIMA

  • Ġun 20, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    PAGA MINIMA

    Għamlu tajjeb il-kapijiet tal-istati Mediterranei tal-Unjoni Ewropea meta ltqagħu f’Malta li poġġew l-emfażi fuq il-paga minima fl-Ewropa. Minn kif tkellmu dwarha, rawha bħala għodda qawwija biex fl-aħħar jiġu mwittija d-diżlivelli soċjali li tħallew jikbru fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin. Bejn reġjuni fl-istess pajjiż, bejn reġjuni differenti fin-nord, sud u lvant tal-Ewropa.

    Biss, forsi l-emfażi ma kellux jitpoġġa fuq li l-kunċett tal-paga minima jiddaħħal fl-Unjoni Ewropa. Wara kollox, ftit huma l-pajjiżi li għadhom mingħajrha.

    Aħjar li l-emfażi jitpoġġa fuq il-ħtieġa li b’kordinament, kull pajjiż, fl-istess waqt, iżid il-paga minima tiegħu ngħidu aħna, b’5 fil-mija. Ċertament, m’għandhiex tiġi ffissata paga minima waħda għall-Ewropa kollha. Imma li kull pajjiż membru jkollu tiegħu u li din tiżdied bl-istess rata għal kulħadd, jagħmel sens, jekk tassew irridu li l-ġustizzja soċjali terġa’ ssaltan fl-Ewropa.

    PROBLEMI BIL-KOMPJUTER

    Milli nisma’, mhux jien biss niddejjaq u jitilgħuli meta għal kull ħaġa ta’ xejn is-sistema tal-kompjuter li nuża titlaq għal rasha, biex iddaħħal l-aħħar hekk imsejħa “updates”. Tkun miexja tajjeb, u xi ħadd... min jaf fejn jinsab... jiddeċiedi għalik u għaliha li għandha ttejjeb l-operat tagħha. B’telf ta’ żmien, u mhux rarament, b’taħwid.

    Sadattant, ta’ spiss biex tikkordina x-xogħol li jkollok għaddej minn sistema għal oħra, issib li jkollok tinnaviga minn pletora ta’ “passwords”. Iridu jkunu komplikati, inkella ma jbastawx. Ħu żball f’xi wieħed minnhom, u l-problemi li jinqalgħu jibgħatuk fl-estremi tal-konfużjoni. Ma tibqax taf aktar ta’ min hi l-problema – tiegħek? tal-kompjuter innifsu? jew tad-direttivi li jirregolawh min eluf ta’ kolometri bogħod?

    Hemm xi mod kif wieħed imur lura lejn żmien meta l-kompjuter “tiegħek” kien jitħalla jeqdiem fil-paċi, sakemm jibqa’ jagħti servizz aċċettabbli?

    EĠEMONIJA AMERIKANA?

    Fil-mod kif qed jiżviluppaw ir-relazzjonijiet internazzjonali kemm ilu li sar President tal-Istati Uniti Donald Trump, jidher li l-bqija tad-dinja trid tara kif se taċċetta sforz li qed isir minn dal-pajjiż biex jasserixxi eġemonija, jew kif se tilqa’ għalih.

    Il-mod kif fost oħrajn, l-amministrazzjoni ta’ Trump ittrattat il-ftehimiet internazzjonali dwar il-klima u l-potenzjal nukleari tal-Iran juru sew kif l-Istati Uniti qed ikunu lesti li jiżguraw li tgħaddi tagħhom, anki kontra r-rieda tal-maġġoranza kbira tal-bqija tal-istati.

    Hi sitwazzjoni li tista’ ssir perikoluża ħafna, mhux l-anqas għax l-ekonomija Amerikana mhijiex sejra ħażin – ħaġa li malajr isservi biex il-fiduċja tal-gvern Amerikana fil-qawwa tiegħu tikber tant li tipprovoka reazzjonijiet qliel.  F’dil-klima ħaġa faċli jittieħdu deċiżjonijiet żbaljati bil-kbir, minn min iħossu qed jiġi provokat, u mill-Istati Uniti nfushom.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook