Rebħa storika, u kunsilli lokali

  • Ġun 15, 2019 08:09
  • Miktub minn Ray Azzopardi

    Fil-25 ta’ Mejju kellna l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali. Kellna partit Laburista li ħareġ bl-għajta ta’ kontinwità, filwaqt li kellna Partit Nazzjonalista li ħareġ bl-aktar mod aggressiv ta’ kollox neggativ.

    Meta tanalizza dak li ħarġu bih il-partiti politiċi, tinduna lil fejn il-poplu Malti (u bir raġun) ħareġ u mar jivvota. Il-poplu Malti ma jridx negattività, imma jrid li jibqa’ miexi fil-progress. Miniex ngħid li kollox perfett min-naħa tal-Partit Laburista, imma fl-opinjoni tiegħi l-poplu kejjel u qabbel kollox.

    Ir-rebħa storika li għamel il-Partit Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, ma ġietx b’kumbinazzjoni jew fula f’qamar, imma ġiet mill-ħsieb ta’ prosperità fejn, daħal fil-qlub u l-imħuħ tal-Maltin u l-barranin li kienu eliġibbli li jivvotaw u xtarr sew x’wieħed kien qed jistenna jew jippretendi.

    Nistħajlek tgħidli, kien hemm eluf ta’ nies li astjenew li jmorru jivvutaw. Huwa fatt li dawn l-elezzjonijiet xi ftit jew wisq għandom ftit ta’ xettiċiżmu. Sezzjoni sostanzjali ta’ Maltin għadhom kontra l-Unjoni Ewropeja u ftit inqas minn dawn huma xettiċi fejn jidħol il-kunsill lokali.

    Dan m’għandux ikun għax fuq il-kwistjoni tal-Unjoni Ewropea l-poplu ħa deċiżjoni u rridu nbaxxu rasna għaliha. Ma nistgħux nibqgħu ngħidu LE akkost ta’ kollox, filwaqt li l-kunsilli lokali ġew maħluqa biex jagħmlu l-ħajja tar-residenti rispettivi taghhom aktar komda.

    Ser nitkellem dwar il-Belt Valletta li anki hawn il-Partit Laburista rnexxilu jieħu siġġu mingħand il-Partit Nazzjonalista, li dejjem kellu appoġġ kbir f’din il-lokalità. Dan ma ġarax għax ir-residenti u partitarji tal-Partit Nazzjonalista huma kontra t-tmexxija tal-istess patit, imma għax tul il-milja ta’ snin kien hemm laxkezzi u traskuraġni fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

    Dan tikkonfermah il-qagħda finanzjarja li għandu l-kunsill minkejja li f’dawn l-aħħar snin ftit li xejn saru proġetti ta’ infrastruttura biex nagħmlu l-ħajja aħjar lir-residenti tagħna. Kien il-gvern ċentrali permezz ta’ Transport Malta,  Valletta 2018 u GHRC li wettaq ħafna xogħlijiet li fil-verità jaqgħu taħt il-kunsill lokali.

    Kien proprju dan li r-residenti ħarġu bi ħġarhom biex jivvutaw għax emmnu f’dak ix-xogħol kollu li wettaqna tul is-snin, kif ukoll għax emmnu bl-għajta tal-BIDLA.

    F’kull lokalità fejn saret qalba min amministrazzjoni għal oħra, saret għax ir-residenti kienu imxebbgħin b’ċerti sitwazzjonijiet fil-lokalità tagħhom.

    Nemmen li il-problema li għaddej minnha l-PN għenet mhux ftit għax fuq kollox il-poplu jkun irid stabbilità u mhux negattività. Nemmen li bil-manifesti elettorali li ħareġ bihom il-PL f’kull lokalità, ir-residenti ndunaw min verament jixtieq il-ġid lil-lokalità u lir-residenti tagħhom.

    Issa dak li wegħedna, inwettuh għax ġaladarba ġejna mogħtijin il-fiduċja rridu naħdmu biex dik il-fiduċja tikber u tissaħħaħ fina r-rappreżentanti ta’ kull belt u raħal.

    Ejjew ma nħarsux lejn kuluri politiċi, reliġjonijiet jew kulur tal-ġilda. Ejjew ħalli naħdmu flimkien biex meta jerġa’ jasal il-verdett inkunu lesti għal mandat ieħor. Ejjew inkunu qrib ir-residenti kuljum u mhux fl-aħħar tiġrija. Ma nagħmlux l-iżball li sar f’ħafna mil-lokalitajiet tagħna fejn l-amministrazzjoni ħalliet kollox għall-aħħar meta n-nies kienu diġà ddeċidew kif u lil min se jivvutaw. Inħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu u niffaċċjaw ir-realtajiet li jġibu magħhom l-isfidi f’kull lokalità. Tajjeb li iktar minn qatt qabel, hemm gvern li jisma’ u jien konvint li dwar dak li se nargumentaw fuqu se nsibu bibien miftuħin dejjem u kullimkien.

    Il-ħidma t-tajba lil kull min se jibda x-xogħol b’risq ir-resident.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0