Ħarsa lura

  • Ġun 13, 2019 07:44
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kienu interessanti ħafna l-attivitajiet u l-publikazzjonijiet li mmarkaw il-mitt anniversarju tas-Sette Giugno. Il-ktieb ta’ studji dwar il-ġrajja li ħareġ il-kumitat li jikkomemora l-avvenimenti storiċi kien fih x’taqra u tagħrbel, waqt li diversi gazzetti ħarġu artikli u supplementi ta’ valur.

    Aktar ma għadda ż-żmien, donnu aktar kibret realizzazzjoni li s-Sette Giugno kien mument ħafna aktar kumpless milli kien jinftiehem sa ngħidu aħna, ħamsin sena ilu. Għandu rabtiet kbar ma’ żviluppi ekonomiċi, soċjali u kulturali fi ħdan is-soċjetà Maltija u lil hinn minnha. Dak li wassal għalih ma kienx xi żbroff soċjali li ssarraf f’rewixta, imma tqanqila li t-tgħeżżiż tagħha inqala’ minn diversi inħawi.

    Dan kollu tista’ tifhmu mir-rakkonti u analiżijiet ta’ x’ġara. Biss nissuspetta li għadna nagħtu wisq emfażi lill-aspetti anedottiċi tal-ġrajja. Neħtieġu verżjoni tal-istorja li tfittex li tintegrahom flimkien f’fasla waħda. Lil hinn milli naqblu jew ma naqblux jekk aħniex nitkellmu dwar revoluzzjoni jew rewixta, neħtieġu dehra “panoramika” ta’ kif u għaliex l-affarijiet ħadu x-xejra li ħadu.

    ***

    MARLENE MIZZI

    Fil-ħames snin li matulhom rajt mill-qrib il-ħidma ta’ Marlene Mizzi bqajt impressjonat bil-mod determinat u deċiżiv kif tilħaq l-għanijiet tagħha. Ammirajt ukoll is-sens ta’ bilanċ li taf iżżomm, lejn il-moderazzjoni u kompromess raġonevoli, imma bla kantunieri fejn tħoss li l-affarijiet ma jkunux qed isiru sew.

    Bqajt insib intriganti d-distinzjoni li kienet tagħmel bejn il-politika tal-“kampanji”, fejn trid tipproġetta u tikkompeti; u l-politika “leġislattiva” fejn trid toħloq qafas li jirregola u jiggwida. Għalija t-tnejn huma iż-żewġ naħat tal-istess munita; għaliha le.

    Imma mbagħad meta tkun trid iċċanfar lil xi ħadd jew twassal il-messagg ta’ Malta, l-istil u l-lingwa li tuża, addatti għaċ-ċirkostanzi, jibbrillaw tħares lejhom minn liema naħa trid tal-prattika politika.

    Nixtiqilha l-isbaħ futur.

    *** 

    TERMINALI

    “The Terminal Man” hu wieħed mill-ewwel rumanzi ta’ Michael Crichton (bidu tas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor). Jiddeskrivi operazzjoni fuq moħħ raġel li qed jintilef minn sensih u jgħaddi għal imġiba perikoluża għalih u għal ħaddieħor.

    Fl-operazzjoni, moħħu jitqabbad ma’ kompjuter li jikkontolla s-sensazzjonijiet li jirċievi biex iressqu lejn imġiba kajmana u aċċettabbli. Jiġri l-maqlub: bl-istimuli li l-kompjuter jibda jintensifikalu, l-pazjent jitlef kull kontroll fuqu nnifsu. Il-biżgħat li kienu midfuna ġo fih, iqumu kollha u jibdluh f’qattiel sadistiku.

    It-tema tirkeb fuq il-mit ta’ Frankenstein u l-biża’ ta’ ħafna, li xi darba ħajjitna tispiċċa dominata mill-magni. Għalkemm bi stil mexxej, ir-rumanz hu xott wisq u inferjuri sew għal oħrajn ta’ Chrichtom bħal “Jurassic Park” u “Disclosure”.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0