‘Mario’ u ‘Sofia’

  • Ġun 12, 2019 09:00
  • Miktub minn Chris Fearne

    ‘Mario’ u ‘Sofia’ x’aktarx li se jkunu l-aktar żewġ ismijiet li se jkunu qegħdin jissemmew fil-kuriduri tal-isptar Mater Dei f’dawn il-jiem fost dawk kollha li jagħtu servizz fl-isptar, minn fuq s’isfel. ‘Mario’ u ‘Sofia’ m’humiex l-ismijiet ta’ żewġ trabi li twieldu fl-isptar tagħna. ‘Mario’ huwa robot li se jkun qiegħed jassisti bil-kbir fit-tqassim tal-mediċini lill-pazjenti tagħna u ‘Sofia’ hija s-software li tkun qed tagħti l-ordnijiet ta’ mediċini li ‘Mario’ jkun irid iqassam lill-pazjenti.

    Nhar it-Tnejn li għadda kelli s-sodisfazzjon u l-pjaċir li nippresiedi fuq sessjoni ta’ informazzjoni lill-mezzi tax-xandir biex nuruhom kif se tkun qed taħdem din is-sistema u biex nispjegaw ukoll x’benefiċċji mistennijin jinkisbu minnha fl-interess ta’ kulħadd imma prinċipalment fl-interess tal-pazjent. Finalment il-kura u l-aħjar assistenza possibbli lill-pazjenti tagħna huma l-mira u l-għan aħħari tagħna lkoll.

    F’Novembru li għadda konna nedejna l-proċess li se jwassal biex fi żmien tliet snin jibda jsir użu minn teknoloġija avvanzata u robotika bħala mezz biex jittejjeb is-servizz tal-mediċina fl-isptarijiet. Biex jonqsu l-possibiltajiet ta’ żbalji filwaqt li  jitnaqqas ix-xogħol mhux produttiv u li jtellef il-ħidma professjonali fil-kliniċi u mal-pazjenti fis-swali tal-isptarijiet.

    Din hija sistema li se tgħaqqad il-professjonijiet kollha ma’ post wieħed. Hija teknoloġija mill-aqwa li qed taħdem u tagħti riżultati tajbin fi sptarijiet oħra madwar id-dinja.

    ‘Mario’ u ‘Sofia’ se jkollom 16 ħuthom imferxin mal-isptar Mater Dei biex b’hekk jaqdu s-swali kollha. Erba’ robots oħrajn se jkunu fl-imħażen u l-ispiżeriji fejn il-mediċini mixtrijin mill-Gvern ikunu konvertiti minn robot waħda waħda f’boroż li fuqhom jistampa barcode bl-informazzjoni kollha tal-mediċini. Malli r-robot jirċievi riċetta kompjuterizzata mingħand it-tabib jagħżel il-mediċini, jistampa l-isem u n-numru tal-karta tal-identità tal-pazjent u jpoġġihom f’borża u jissiġillaha, ipoġġiha ġo tubu pnewmatiku u tintbagħat awtomatikament fis-sala tal-pazjent. L-infermier jiġbor il-mediċina mit-tubu, jieħu scan tal-brazzuletta tal-pazjent li permezz tagħha s-sistema tkun tista’ tagħraf il-pazjent. B’hekk ikun assigurat li l-kura qed taqbel mal-pjan preparat għall-pazjent partikolari u r-robot jikkonferma li l-infermier ikun jista’ jamministra l-mediċina.

    Dan huwa proġett b’investiment ta’ aktar minn €12-il miljun u se jsir mill-konċessinarju tal-proġett. Il-Gvern jibda biss iħallas lura dan l-investiment meta u jekk il-Gvern ikunx iffranka flus mill-ammont li qiegħed jonfoq bħalissa għall-istess xogħol li se tkun qed tagħmel is-sistema. Proġett li se jkompli jtejjeb is-servizz mediku offrut mill-istat li b’sodisfazzjon ngħid li huwa klassifikat fost l-aqwa għaxra mad-dinja kollha.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook