Rebħa

  • Ġun 03, 2019 09:14
  • Miktub minn Alfred Sant

    Rebħa fil-qafas ta’ elezzjoni għall-Parlament Ewropew bl-ebda mod ma jista’ jkollha l-istess tifsira bħal rebħa f’elezzjoni ġenerali. Imma l-Prim Ministru Muscat kellu raġun jgħid li l-elezzjoni ta’ Mejju kellha tagħti verdett fuq il-gvern f’nofs jew kważi tal-mandat tiegħu ta’ tmexxija.

    Sa ftit taż-żmien ilu, konna ngħidu li qed jinżammu wisq elezzjonijiet f’pajjiżna. U li dan qed jippolarizza l-pajjiż. Illum żgur ma jistax jitqies li għandna wisq votazzjonijiet. Xorta, il-polarizzazzjoni ma naqsitx.

    Jekk tqabbel l-okkażjonijiet fejn il-Maltin jintalbu jivvotaw ma’ pajjiżi oħra Ewropej, lanqas jidher li ninsabu mgħobbija aktar minn ħaddieħor b’dan l-inkarigu. Anzi, it-tagħbija elettorali tagħna saret ħafifa.

    Aktar allura jreġi l-argument li fil-25 ta’ Mejju, il-poplu kien qed jagħti verdett “mid-term” fuq it-tmexxija tal-amministrazzjoni Muscat.

    ***

    MINN TAĦT, MINN FUQ

    Il-PN jinsab f’qagħda bla preċedent fl-istorja politika tal-pajjiż: fil-konfront dejjem għaddej bejn żewġ partiti ewlenin, hu baqa’ jimmarka telfiet kbar, waħda akbar mill-oħra, waqt li ma qatgħux l-istejjer veri dwar il-firdiet fi ħdanu.

    Fil-ħajja politika, hemm pendlu li jitqanqal b’ritmu li mistenni jirrepeti l-istess ċaqliq. Għalhekk li did-darba baqgħu jqumu mistoqsijiet mhux tas-soltu: il-pendlu politiku donnu mhux iżomm l-istess tektika.

    Min hu taħt u min hu fuq qed jintgħażel skont regola ġdida li ftit tidher li se tinbidel malajr.

    Biss wieħed irid joqgħod attent milli jbassar li l-affarijiet mhux se jinbidlu. L-istess tbassira tista’ tgħin bil-kbir biex il-pendlu jerġa’ jibdel kwalunkwe regola li beda jħaddan.

    ***

    MUŻEW F’SANTA LIENA

    Fih x’tara. Qed jinbena b’galbu kbir il-mużew ekkleżjastiku li nġabar fis-“sulari” ta’ fuq tal-Bażilika ta’ Santa Liena f’Birkirkara. Żortu dan l-aħħar u bqajt impressjonat bil-ħidma li saret ħalli jippreżenta bl-aqwa mod, teżori ta’ opri artistiċi u artiġjanali. Huma jagħtu xhieda tal-attivita soċjo-kulturali li baqgħet tirrenja fil-borg Karkariż matul id-deċennji.

    Il-mużew innifsu ilu s-snin jittella’. Għandu attrezzi mill-aqwa. L-“artikli” li se jkollu għall-wiri huma imprezzabbli, kemm bħala xogħol, kemm fl-antikità tagħhom. Minħabba limitazzjonijiet naturali ta’ spazju, “artikli” ta’ kwalità tajba daqshom se jibqgħu jinżammu maħżuna.

    Staqsejt għaliex dal-mużew ma jinfetaħx malajr kemm jista’ jkun. Minn kif tkellmu dawk li laqgħuni u urewni l-post, ħakmet il-prudenza. Iridu jkunu żguri li għandhom kollox tajjeb u kif suppost qabel itellgħu s-siparju.

    Jista’ jkun li qed jużaw prudenza żejda.  Aktar milli jkomplu jiżguraw li se jkollhom mużew mill-iprem (kif inhu), forsi aħjar jiżguraw issa, bil-galbu li dejjem urew, kif se jiftħuh u jżommuh miftuħ ħalli Karkariżi, Maltin oħra u turisti jiġu jżuruh bi ħġarhom.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0