Paga minima

  • Mej 31, 2019 09:03
  • Miktub minn Alfred Sant

    Għalija it-test ta’ kemm l-Ewropa se tkun waħda soċjali fis-snin li ġejja hu kif se tittratta l-kwistjoni tal-paga minima. Il-verità hi li fil-qasam soċjali, il-ħaddiema, l-impjegati, is-self employed iż-żgħar u dawk kollha li jinsabu bħalhom tilfu mis-saħħa li kellhom biex iħarsu l-interessi tagħhom.

    Veru li ħafna minn dawk li spiċċaw minn taħt ma jafux b’li tilfu jew jgħidu li ma jimportahomx. Imma dik hi r-realtà.

    U l-mudell neo-liberali għat-tmexxija ekonomika li ġie segwit fl-aħħar snin għadu f’postu. Ċentru lemin u ċentru xellug baqgħu jduru lejh biex iżommu soda ż-żona tal-ewro.

    Dan iċ-ċirku vizzjuż jeħtieġ li jinqata’. Mod kif dan isir hu billi tiżdied il-paga minima mal-Ewropa, bl-istess perċentwal mal-pajjiżi kollha u mil-livell miżmum f’kull pajjiż, skont iċ-ċirkostanzi tiegħu.

    ***

    ĠONNA

    Il-wegħda ta’ aktar ġonna u ta’ isbaħ ġonna dejjem issir fi spazji urbani li jiżviluppaw b’mod li jħallu fgati lil min ikun qed jgħix fihom. Issir minn diriġenti li jifhmu kif baqa’ jitħassar il-bilanċ bejn il-mibni u n-naturali.

    Nimmaġina li xi ħaġa hekk wasslet biex f’Babilonja jinbnew il-“ġonna mdendla” li kienu jitqiesu bħala waħda mill-meravilji tal-Antikità. U l-istess jiġri fi żminijietna.

    Tgħid qatt kien hemm żmien meta l-ispazji mibnija ntużaw biex iseddqu l-ġonna, u mhux il-ġonna jinbnew biex jagħtu ħajja lill-ispazji mibnija?                       

    ***

    FEJN SEJRA L-EWROPA?

    Ir-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jridu jiġu interpretati pajjiż b’pajjiż. Niddubita kemm hemm konklużjoni waħda li tapplika għall-pajjiżi kollha.

    Dażgur, kien hemm avvanz tal-populiżmu/“estremiżmu”. Imma ma avvanzax kullimkien u fejn ma avvanzax, mhux għall-istess raġuni. Fejn avvanza, ukoll, mhux għall-istess raġuni.

    Il-faxxinu tal-Ewropa jinsab f’dan: li fiha daqstant diversità. L-isfida kienet u għadha kif did-diversità ma tispiċċax f’antagoniżmu imma f’koperazzjoni bejn il-ġnus. Fil-livell tal-Parlament did-darba se tkun problema akbar minn qabel biex tinħoloq koperazzjoni li tressaq lejn deċiżjonijiet komuni. Bit-telfa tal-maġġoranza li qabel kellhom bejniethom, il-gruppi tal-“popolari” u tas-“soċjalisti u d-demokratiċi” (l-S&D) ma jistgħux jekk ikunu qablu bejniethom, waħidhom iġibuha żewġ fil-Parlament.

    Dan se jagħti aktar nifs lill-gruppi tal-“liberali” u tal-“ħodor” biex jinsistu fuq il-kundizzjonijiet tagħhom jekk se jaqblu ma’ xi proposta mressqa. U dawn huma gruppi li mhumiex mill-ħelwin meta jkunu jridu jilħqu l-għanijiet tagħhom.

    Sa issa, kemm il-“popolari” u kemm tal-S&D żammew ’il bogħod mill-“populisti” u l-“estremisti”. Nimmaġina li għal li ġej, se jagħmlu minn kollox biex jibqgħu hekk. Effettivament, ta’ spiss issib li l-“populisti” nfushom meta jiġu biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet jaħarqu ftit ikunu jistgħu jaqblu bejniethom... ħlief biex jgħidu le.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0