Il-poplu jikkonferma

  • Mej 29, 2019 10:58
  • Miktub minn Chris Fearne

    Nhar is-Sibt li għadda, 25 ta’ Mejju, il-poplu Malti u Għawdxi ta l-verdett tiegħu. Il-poplu tkellem. Il-poplu kellu quddiemu għażla: il-prova ta’ ħidmet-il Gvern Laburista f’dawn l-aħħar sitt snin u l-kontinwità  fin-negattività min-naħa tal-Partit Nazzjonalista issa taħt it-tmexxija ta’ Dr Adrian Delia. Il-poplu Malti u Għawdxi kellu għażla diretta x’jagħmel. Kellu jiddeċiedi bejn il-Mexxej Laburista Joseph Muscat u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. 

    Ir-riżultat huwa dak li hu. Jafu kulħadd. Adrian Delia huwa t-tielet kap konsekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li tilef elezzjoni kontra Joseph Muscat. Qablu kien hemm Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.  L-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna u bl-akbar distakk ta’ voti. Telfa akbar minn dik ta’ Ġunju 2017 u li kawża tagħha Adrian Delia ingħażel b’mod demokratiku mill-kunsillieri u mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista biex imexxi lill-PN.

    Ir-riżultat tas-Sibt li għadda juri bl-aktar mod ċar li l-poplu qiegħed japprezza x-xogħol li għamel u qiegħed jagħmel il-Gvern. Il-poplu wera l-apprezzament tiegħu lejn Gvern li għollielu l-livell tal-għixien tiegħu, lejn Gvern li dak li wegħdu wettqu jew qiegħed fil-proċess li jsir. Dak imwiegħed jitwettaq. Il-poplu fehem u apprezza l-viżjoni li qiegħed jippreżentalu l-Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

    Il-poplu wera bl-aktar mod ċar li ma jridx tħaddim ta’ politika li ġġib firda fil-pajjiż, imma jrid l-oppost, irid ħidma li twassal għall-għaqda. Il-poplu wera li japprezza ferm aktar il-ħidma ta’ Membri Parlamentari Ewropej b’direzzjoni li jaħdmu favur u għal pajjiżna milli Membri Parlamentari Ewropej li jieħdu kull okkażjoni biex jagħmlu ħsara lill-pajjiż, għax la darba jattakkaw u jfixklu lill-Gvern ikunu qegħdin jattakkaw u jfixku lill-pajjiż milli jkompli bis-suċċessi tiegħu f’kull qasam tal-ħajja.

    Madankollu ma nistax ma nirrepetix l-appell tal-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ħadd li għadda waqt l-indirizz tiegħu lill-folla kbira ta’ nies li fi ftit ħin inġabret quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Ħamrun: ejjew nibqgħu nkunu kif konna matul il-kampanja ta’ din l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali, man-nies u għan-nies. Nibqgħu saqajna mal-art, bla ma ħadd tikbirlu rasu għax finalment il-Partit Laburista huwa ffurmat minn kulħadd.

    Il-poplu tkellem b’mod speċifiku dwar ir-rappreżentanza ta’ pajjiżna fil-Parlament Ewropew. Il-poplu wera biċ-ċar li mir-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament Ewropew irid ħidma sinċiera b’risq pajjiżna. It-tagħlima mogħtija lill-Partit Nazzjonalista anke f’dan ir-rigward jista’ jaraha kulħadd anke jekk l-għażla f’isem il-Partit Nazzjonalista hija dik li hi. It-twiddiba toħroġ ċara mill-ammont ta’ voti li kiseb il-Partit Nazzjonalista u mill-fatt li tilef ukoll siġġu.

    Nieħu din l-opportunità biex nawgura mill-qalb lill-Membri Parlamentari Laburisti Ewropej – Miriam Dalli, Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar – ħidma sfiqa u ma taqta’ xejn b’risq pajjiżna u l-poplu tiegħu. Lill-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista intennilhom l-appell li għamlilhom il-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħadd li għadda: aqilbu l-folja. Ieqfu minn ħidmietkon kontra pajjiżna. Ilqgħu l-istedina biex is-sitta flimkien taħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

    Min-naħa tagħna, bħala Gvern se nkomplu għaddejjin b’ħidmietna b’sodisfazzjon li l-maġġoranza assoluta tal-poplu apprezzat, approvat u kkonfermat dak li għamilna u li qegħdin nagħmlu.

    Grazzi mill-qalb għall-fiduċja li wrejtu fina.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0