L-INFLAZZJONI F’MALTA LLUM

  • Mej 27, 2019 13:46
  • Miktub minn Alfred Sant

    L-INFLAZZJONI F’MALTA LLUM

    L-ekonomija li qed tikber b’rata bla preċedent mill-Indipendenza lil hawn, ma tantx qanqlet polemiki fl-aħħar kampanja elettorali. Uħud jargumentaw li ntesiet għal kollox. Sadattant, l-istatistika ekonomika baqgħet ħierġa bir-ritmu normali. Ftit li xejn ingħatat attenzjoni.

    Fost din, l-interessanti kienet l-aħbar dwar l-għoli tal-ħajja kif ikkalkolat skont l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut imħaddem f’Malta. Fl-assjem, uriet li l-inflazzjoni fuq skeda ta’ sena tinsab riesqa lejn 2 fil-mija. Ninsabu qrib l-ogħla rati tal-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro.

    Mill-kategoriji ta’ nefqa  li jikkostitwixxu l-basket li fuqu jiġu kalkolati l-indiċi, fost l-aqwa hemm “l-ikel” u “x-xorb u t-tabakk”. Fit-tnejn, l-indiċi qed juri qabża qawwija fil-prezzijiet fuq skala annwali – ta’ 4.8 fil-mija għall-ikel (li għandu piż ta’ 27 fil-mija tal-basket kollu), u f’tax-xorb u t-tabakk ta’ 1.6 fil-mija (b’piż ta’ 7.9 fil-mija fil-basket kollu). 

    L-ISTAT TAL-MALTI

    F’laqgħa dan l-aħħar waqt li żort lil residenti f’darhom, smajt ilment li żmien ilu, kien ikun aktar frekwenti. Skont raġel ta’ mezz’età li laqagħni f’daru, m’aħniex qed inħarsu biżżejjed il-lingwa Maltija, anzi nagħtuha l-ġenb.

    Stramb kif l-ilmenti naqsu għax dak li kien jikkawżahom – il-prattiċi li jinjoraw jew ikasbru l-Malti fil-ħajja ta’ kuljum – żdiedu mhux naqsu. Tani eżempji mill-ħajja ta’ kuljum li anke jien drajt nieħu bħala tas-soltu. 

    Pereżempju: mal-bibien tal-ħwienet, issib avviż li jinsabu magħluqa bl-Ingliż biss; avviżi oħra fit-toroq u l-gazzetti jittellgħu bl-istess mod; użu dejjem aktar esaġerat fil-kelma u fil-kitba ta’ kuljum, ta’ kliem ibbastardjati mill-Ingliż fl-idjoma Maltija.

    L-ilmenti huma ġustifikati anke jekk hemm anqas nies li qed jilmentaw. Donnha daħlet rassenjazzjoni dwar dil-problema. Hemm min iqis li mhi problema xejn!

    BEJN MEWT U ĦAJJA

    L-istorja ta’ Vincent Lambert, li qed jinżamm fi stat veġetattiv imma ħaj mit-tobba fi Franza, hi kommoventi. Min għandu raġun...? Martu u uħud minn ħutu li jaqblu li t-tobba jneħħulu il-mezzi li bih qed iżommuh “ħaj”, għax m’hemmx akar tama li qatt se jirkupra? – jew ommu, missieru u uħud minn ħutu li jridu jkomplu bit-trattament li ilu jingħata?

    Tweġibha kif tweġibha, dil-mistoqsija toħloq uġigħ: ta’ min jaċċetta l-mewt finali ta’ persuna għażiża; ta’ oħrajn b’deċiżjoni kuntrarja, jew għax baqgħu jemmnu kontra kull parir mediku li baqa’ xi ċans ta’ fejqan, inkella għax jaħsbu li mhux sew titfi qabel il-waqt, il-ħajja li jkun għad fadal f’moribond.

    Bl-ebda mod ma nniżżel il-fehma ta’ dawk, fuq naħa u fuq oħra, li jqisu li xejn mhi problema biex tittieħed deċiżjoni ċara u qawwija dwar dawn id-dilemmi.   

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0