VALURI... SOĊJALIŻMU... EWROPA TAL-ĠNUS

  • Mej 23, 2019 08:04
  • Miktub minn Alfred Sant

    VALURI

    Ħadt ħafna gost li fl-aħħar ġimgħa ta’ dil-kampanja elettorali, it-tema ewlenija daret biex tkun waħda dwar valuri. Forsi li skattaha kien ix-xokk mal-pajjiż kollu bl-arresti ta’ persuni akkużati bil-qtil tal-immigrant Ivorjan Lassana Cisse. Forsi li le. Imma li l-valuri tressqu lejn il-quċċata tal-aġenda f’dal-punt kruċjali jidhirli bħala żvilupp siewi.

    Għax minkejja t-tqanżiħ tal-Oppożizzjoni, ma sibt lil ħadd fl-aħħar ġimgħat li jikkontesta s-suċċessi ekonomiċi u soċjali miksuba mill-gvern, b’kuntrast mar-riżultati medjokri jew agħar tal-amministrazzjoni Gonzi. F’dal-qasam, il-PL fil-gvern rebaħ b’walk-over. 

    Hu dwar kif se jintużaw il-kisbiet li d-dibattitu politiku jixraq li jikkonċentra. Fost oħrajn, is-suġġett tista’ tittrattah mil-lat ta’ liema valuri għandhom jiddeterminaw kif jitqassmu l-benefiċċji u l-piżijiet tat-tkabbir li jkun qiegħed jitwettaq. Jew tista’ tqisu mill-ħtieġa li jiġu sostnuti valuri jekk minħabba t-tkabbir ekonomiku, dawn jibdew jinqarsu.

    SOĊJALIŻMU

    Hawn diġà tkellimna dwar kif tal-PN fl-istess nifs jakkużaw lill-Partit Laburista li m’għadux soċjalista u li “reġà sar” soċjalista. Bħallikieku hemm xi gwaj filli jkollok dat-twemmin politiku.

    Nara li hemm preġju kbir filli tkun tappartjeni lil-linja soċjalista, l-aktar kif ġiet imħaddma fl-Ewropa tal-Punent. Għal xi snin qabel it-“tmiem” tal-gwerra bierda, kienet daħlet il-frażi ta’“soċjaliżmu reali”, biex tindika l-linja ta’ min sab ruħu qrib tal-prattika li addottat l-Unjoni Sovjetika fit-tmexxija “soċjalista” tagħha. Kienet frażi użata mid-demokristjani l-aktar biex iċappsu lis-soċjaliżmu demokratiku bil-prattiċi politiċi tas-Sovjetiċi. 

    Minkejja dan, is-soċjaliżmu demokratiku għadu l-unika forza politika kapaċi li żżomm bilanċ raġonevoli bejn il-ħteġijiet tas-suq “ħieles” u l-bżonn fl-interess publiku li jkollna stat li lest jintervjeni biex jipproteġi.

    EWROPA TAL-ĠNUS

    Nerġa’ ngħid din ukoll: l-għajta Gollista ta’ Ewropa tal-ġnus... tan-nazzjonijiet kif hemm min jippreferi jpoġġiha... kienet waħda li għadha tgħodd għall-Ewropa ta’ żminijietna. Dnub li tħalliet tintesa, mil-lemin u mix-xellug... għax minkejja kollox, de Gaulle kellu wkoll nies fost is-soċjalisti Franċiżi li jaqblu ħafna ma’ parti mill-ideat tiegħu.

    Illum l-għajta ġiet akkapparrata mil-lemin estrem. Għax qed jużaha hu, spiċċat żvalutata, waħda li triegħex bil-kbir lill-erwieħ tajba li jaħsbu li l-ġenna tinsab f’Ewropa magħquda taħt gvern wieħed. Imma minħabba l-mod kif l-għajta ġiet imħawra f’narrattiva xenofoba u mħabbla f’diskors neo-faxxista, mhux lilhom biss triegħex.

    Dnub għax dak li de Gaulle ra fir-realtà Ewropea jidhirli li għadu jgħodd sal-lum: il-fatt li l-istorja tal-kontinent hi magħmula mill-esperjenza storika differenti u simili tal-ġnus li jagħmlu parti minnu. Hi esperjenza unika fid-dinja tal-bniedem.

    Ma nafx kif tista’ tinħoloq għaqda fl-Ewropa billi tinjora din l-esperjenza. Wisq anqas billi tikkarikaturaha f’disinn neo-faxxista.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook