DJAR TAL-ĦĠIEĠ

  • Mej 13, 2019 08:12
  • Miktub minn Alfred Sant

    Għadni niskanta bl-imġiba ta’ xi esponent tal-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar snin ikun ħambaq daqstant dwar id-dnubiet tal-amministrazzjoni Laburista tal-lum. Imma xorta jassoċja ruħu ma’ nies li jiġu murija xejn aħjar fl-imġiba tagħhom minn dak li hu jakkuża lil ħaddieħor bih, f’espressjoni ta’ skandlu liema bħalu.

    Niskanta mhux dwar l-imprudenza tal-biċċa, daqskemm dwar l-ipokresija involuta. Min jgħix f’dar tal-ħġieġ m’għandux għalfejn jara kif se joqgħod iwaddab ġebel ’il barra minnha, aktar u aktar meta b’hekk ikun qed jattakka l-interess nazzjonali.

    Ma tieħu l-ebda premju jekk tifhem li qed nirreferi għas-sur David Casa u l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ Lara Comi.

    NYLON KNITTING

    Niftakarha l-aktar mit-taħwid li kellna snin twal ilu biex mid-diżastru li kienet fih, insibu kif tista’ tistejqer permezz tas-sid ġdid li ħadha f’idejh ħalli jiżviluppaha skont is-swieq li kellu. 

     Dak iż-żmien kien jisimha x-Chatillon. Twaqqfet Malta fis-snin sittin. Kienet tipproduċi drapp sintetiku. Sal-aħħar tas-snin sebgħin ma setgħetx tkampa aktar. Il-kumpanija li daħlet minflokha, Taljana wkoll minn Bergamo, immexxija mill-familja Pezzoli, kienet fl-istess linja ta’ xogħol.

    Nammetti li bqajt immeraviljat meta żortha l-ġimgħa l-oħra – illum jisimha Nylon Knitting – u rajt il-progress li baqa’ jsir fiha. Il-medda tal-fabrika f’Ħal-Qormi ttriplat, biex ma ngħidx kibret b’erba’ darbiet. 

    Sar investiment kbir fl-impjant li għaddej il-ħin kollu biex jipproduċi drapp tan-nylon għal prodotti bħal ħrieqi li jitwaddbu u rbit taż-żippijiet.

    L-użu tal-ilma u tal-enerġija huma kruċjali. Fir-rispett tar-regoli Ewropej, kull ħaġa li tista’ ssir ħalli l-produzzjoni tiġi aġevolata għandu jsir biex l-investimenti kbar li saru f’dil-fabrika jibqgħu kompetittivi.

    DJAR VOJTA

    Nisimgħu ħafna dwar il-problemi tal-kirjiet li qed jiżdiedu b’qawwa – anqas dwar il-problema tad-djar vojta. Mhux kollha huma ta’ sidien li jinsabu fi djar tax-xjuħ jew ta’ sidien b’aktar minn dar waħda.

    Indunajt li hemm problemi oħra fl-aħħar ġimgħat jien u nħabbat il-bibien għall-kampanja tal-Parlament Ewropew. Pereżempju, r-Rabat, wara l-lukanda magħluqa tal-Verdala, issib toroq sħaħ fejn dar wara l-oħra jidhru sew li huma battala u ilhom hekk, għax iż-żebgħa fuq il-bibien ta’ barra u l-ġir fuq il-ħitan ilhom li bdew jitqaxxru.

    Qaluli dan: hawn, il-problema hi li wara li r-residenti mietu jew telqu, ħadd ma seta’ ibigħ/jirranġa/jikri dawn il-postijiet għax inqabdu f’limbu: kienu parti mill-assi li l-Knisja għaddiet lill-gvern fil-ftehim tas-snin tmenin tas-seklu l-ieħor. Imma fuqhom għad hemm xi obbligi oħra. U allura, ma setgħux jinħarġu fis-suq.

    Jekk l-ispjega li tawni hi korretta, ma nistax nifhem kif il-problema ma ġietx maħlula ilu ħafna...

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0