RIFLESSJONI... GĦALLIEMA... RABIN

  • Mej 09, 2019 11:44
  • Miktub minn Alfred Sant

    RIFLESSJONI

    Waqt kampanja elettorali bħal dik li ninsabu fiha, ftit jibqa’ ħin għal riflessjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż. Ftit ikun hemm skop jew aptit għal dil-ħaġa.

    Biss dejjem qed issir ħaġa aktar ċara li t-titjib ekonomiku sostanzjali u sostnut tal-aħħar snin, qed iġib miegħu bidliet fondamentali fis-soċjetà Maltija. Jew forsi mhux iċ-ċaqliq ekonomiku waħdu, imma wkoll miegħu l-iżviluppi dejjem għaddejja fit-teknoloġiji tal-kumnikazzjoni li qed jibdlu l-modi kif nirrelataw ma’ xulxin bħala ċittadini. L-aktar imma mhux biss, fil-qasam diġitali. 

    Jeħtieġ nirriflettu dwar xinhu għaddej ħalli nifhmu l-bidliet bħala parti minn nisġa sħiħa, u mhux inqisu kull bidla għaliha waħidha bħala tajba jew ħażina. Numru ta’ oqsma qed jiġu affettwati u anke fil-mod kif dan jiġri, huma nfushom qed jaffettwaw lil oqsma oħra. 

    Oqsma bħas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, it-trasport u t-traffiku, it-turiżmu, l-infrastruttura, Għawdex... fost oħrajn.

    GĦALLIEMA

    Kontroversja li qamet matul dil-kampanja elettorali kienet dwar il-qagħda tal-għalliema. Aspett wieħed tagħha kien dwar jekk in-numru tagħhom żdiedx jew naqasx fl-aħħar snin, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jistqarr li l-għalliema naqsu. Jidher li fattwalment dwar hekk, ħa żball oħxon.

    Jibqa’ madankollu d-dibattitu dwar jekk l-għalliema f’pajjiżna humiex f’qagħda tajba jew le; humiex professjonalment sodisfatti; humiex qegħdin jilqgħu tajjeb għall-bżonnijiet edukattivi tat-tfal tagħna.

    Smajt min jgħid ħaġa, min oħra. Hemm għalliema li jħossu li l-pakkett finanzjarju li jirċievu tbaxxa sew imqabbel ma’ professjonijiet oħra, u uħud telqu għal impjieg ieħor. Tisma’ bil-problemi ta’ klassijiet bi tfal minn diversi komunitajiet etniċi, li diffiċli tikkontrolla. Argument ieħor hu li wisq ftit żgħażagħ qed jitħajru jistudjaw fil-qasam tal-edukazzjoni, bl-akbar problema fit-tagħlim tal-matematika u x-xjenzi.

    RABIN

    Hekk kif reġa’ qam ġlied aħrax bejn Iżraeljani u ċ-ċittadini ta’ Gaza ma stajtx ma niftakarx – issa li qed inqatta ġimgħa wara l-oħra f’Malta – fil-monument ċkejken li kont inżur kważi kull ġimgħa fi Brussell meta noħroġ mill-Parlament Ewropew.

    Jinsab fil-Park Leopold u jikkonsisti f’biċċa rħama sewda bl-isem fuqha ta’ Yitzhak Rabin, il-Prim Ministru Iżraeljan li ġie assassinat fl-ewwel nofs tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor. Rabin kien joffri l-aqwa tama li l-konflitt fil-Palestina seta’ jinħall. Il-proposti tiegħu kienu kuraġġużi u nemmen li saru b’rieda tajba. Bla dubju ta’ xejn dawk li bagħtu joqtluh qiesu li seta’ jasal u ma riduhx jagħmel hekk. Wara mewtu, il-konflitt bejn Iżraeljani u Palestinjani baqa’ jiqliel sakemm wasal għall-istat traġiku fejn jinsab illum.

    Kull ġimgħa xi ħadd ipoġġi bukkett ta’ fjuri friski quddiem il-monument ċkejken fil-Park Leopold dedikat lil Rabin.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook